Lokali Mużika

Il-PBS jaf jieħu azzjoni legali dwar iċ-ċensura tal-EBU fuq il-kanzunetta ‘Kant’

Rapporti qed jindikaw li l-PBS jaf jikkunsidra azzjoni legali wara ċ-ċensura li kien hemm fuq il-kanzunetta ta’ Malta għall-festival tal-Eurovsion. Dan wara li l-EBU għamel projbizzjoni fuq il-kelma Maltija ‘kant’ – u allura, il-kanzunetta ta’ Miriana Conte trid tiġi emendata.

Issa, mhux qed ikun eskluż li d-deċiżjoni tal-EBU tiġi miġġielda fil-Qrati tal-Iżvizzera, fejn se ssir il-finali.

Kollox jindika li ċ-ċensura waslet wara pressjoni li saret mill-BBC.

Fl-aħħar jiem, il-PBS ikkonferma li kien lest għal diskussjonijiet mal-kantanta Miriana Conte sabiex isiru “tibdiliet minimi” – jekk hemm bżonn – fil-kanzunetta ‘Kant’.

Il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Keith Chetcuti stqarr li l-kanzunetta rebbieħa tal-Malta Eurovision Song Contest, trid tkun hi li tipparteċipa.

Għalhekk, il-PBS jinsab f’diskussjonijiet mal-artista u l-awturi tal-kanzunetta biex jaraw x’tibdiliet minimi jistgħu jsiru biex jagħmluha aċċettabbli għall-EBU. U b’hekk tiġi aċċettata għall-Eurovision li se jsir f’Basel.

Minkejja dan l-iżvilupp, Miriana Conte assigurat li se tibqa’ ffukata fuq il-Eurovision, u se tirrappreżenta lil Malta bl-aqwa mod possibbli.

Qed jingħad li dawn l-emendi li jistgħu jsiru fil-prodott finali li se nippreżentaw bħala pajjiż… mhu se jkunu qed ibiddlu xejn partikolari mill-kanzunetta li rebħet il-Malta Eurovision; kanzunetta li fi kliem is-CEO tal-PBS, tant kisbet popolarità kif inhi bħalissa.