Internazzjonali

Is-Sirja: Problemi għall-Gvern ġdid, fost l-agħar battalji minn wara l-ħarba ta’ Assad

Il-qawwiet tat-Tmexxija Sirjana l-ġdida, fl-aħħar sigħat, kienu involuti fil-battalji ħorox ma’ ġellieda leali għad-dittatur u eks-President tas-Sirja Bashar al-Assad li, ftit tax-xhur ilu, kien kostrett li jaħrab minn pajjiżu lejn ir-Russja.

Il-battalji jidhru li għadhom għaddejjin qalb l-artijiet tal-kosta u fejn il-vjolenza qed tkun l-agħar fis-Sirja mindu r-ribelli, f’Diċembru, ġabu fi tmiem ir-reġim ta’ Assad, fost it-twaqqif ta’ Gvern tranżizzjonali.

L-osservaturi barranin qalu, intant, li nqatlu bejn 70 u mija waqt l-aħħar battalji u meta bħalissa għadu effettiv curfew għar-residenti fl-ibliet ta’ Homs, Latakia u Tartous….Bliet indikati bħala z-zoni ewlenin għall-battalji.

Ir-reġjun Sirjan maġenb il-kosta hu magħruf bħala fortizza għall-minoranza tal-Alawiti kif ukoll tal-familja Assad, li l-membri tagħha huma wkoll parti minn dan l-akbar grupp reliġjuż fl-inħawi partikulari.

Il-vittmi tal-aħħar ġlied kienu jinkludu madwar 40 membru tal-qawwiet tal-Gvern u anki numru ta’ ċivili. Dan fost rapporti dwar diversi midruba qalb iz-zoni tal-battalji li żbruffaw meta xi gruppi armati, sostenituri tal-eks-reġim, attakkaw lill-qawwiet militari, flimkien maċ-checkpoints u l-kwartieri tal-militar tal-Gvern Sirjan fl-artijiet tal-kosta.

L-aggressuri, imbagħad, ikkonsolidaw il-pożizzjonijiet fl-inħawi qalb il-muntanji ta’ Latakja kif ukoll fil-belt ta’ Jableh fejn komplew jippjanaw l-attakki. Dan meta hemm ukoll it-theddida mill-membri tal-eks-Armata ta’ Assad li jinsabu stazzjonati f’numru ta’ bliet u villaġġi.