Internazzjonali

Donald Trump issa qed jikkunsidra aktar sanzjonijiet u tariffi għar-Russja

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li qed jikkunsidra li jimponi s-sanzjonijiet u tariffi ‘fuq skala kbira’ fil-konfront tar-Russja sakemm it-Tmexxija f’Moska timpenja ruħha għal waqfien mill-ġlied – u eventwalment ftehim għall-paċi – mal-Ukrajna.

Dan wara li l-Ukrajna sofriet mewġa ġdida ta’ attakki – b’mod partikulari bil-missili u d-drones  — u bil-President Trump jirreferi għall-fatt li l-Ukreni fil-kampijiet tal-battalja qegħdin ibatu bil-kbir mill-burraxka ta’ azzjonijiet mill-qawwiet tal-Kremlin.

Għaldaqstant, Trump qed jikkunsidra li jimponi s-sanzjonijiet – inklużi fis-settur bankarju – minbarra t-tariffi għar-Russja sakemm dan il-pajjiż jagħti kontribut siewi lejn it-tmiem tal-gwerra.

Donald Trump, fl-istess ħin, enfasizza biex ir-Rappreżentanti tar-Russja u l-Ukrajna jiltaqgħu madwar il-mejda ‘qabel ikun tard wisq’ u wara li l-Ukreni, għall-ewwel darba, użaw l-ajruplani tal-gwerra tat-tip ‘Mirage’ ( prodotti fi Franza) biex jiddefendu l-pajjiż kontra l-attakki fuq l-infrastruttura ċivili.

L-aħħar baraxx tal-missili u drones fuq l-ibliet Ukreni kien aktar preċiż mis-soltu wara li l-Istati Uniti sospendiet l-għajnuna militari lill-Ukreni – flimkien mal-iskambju ta’ informazzjoni mat-Tmexxija tal-Ukrajna.

L-aħħar attakki mill-ġdid ħallew il-vittmi u numru kbir ta’ feruti, inklużi t-tfal – bl-Ewropa, illum, qed tanalizza l-potenzjal ta’ gwerra aktar mifruxa madwar il-kontinent.

Il-Prim Ministru tal-Polonja, Donald Tusk, issa, ħabbar il-pjani biex l-irġiel Pollakki kollha jitħarrġu fl-aspetti ta’ gwerra fost il-programmi ‘nazzjonali’għal taħriġ militari.

Tusk, waqt diskors lill-Parlament, qal li jrid iżid id-daqs tal-Armata Pollakka minħabba li r-Russja – avversarju antik tal-Polonja – għandha madwar 1.3 miljun suldat. U kont il-Prim Ministru Pollakk, hemm il-pjani biex il-qawwiet (Pollakki) ta’ riserva kollha jkunu kapaċi biex iwieġbu bis-sħiħ għat-theddid potenzjali fil-futur.

Iżda waqt li l-Unjoni Ewropea tinsab impenjata biex tiddefendi lill-Ukrajna kontra l-aggressjoni kontinwa tar-Russja, hemm Stati-membri bħas-Slovakkja u l-Ungerija li huma disposti biex jappoġġjaw ‘indirettament’ lir-Russja.

Fil-fatt, Robert Fico, bħala l-Prim Ministru populista tas-Slovakkja, fl-aħħar sigħat, irrepeta li pajjiżu mhux lest li jagħti l-flus jew l-armamenti lill-Ukrajna ‘biex dan il-pajjiż ikompli bil-gwerra mar-Russja’….Kumment fejn Fico naqas li jgħid li l-Ukrajna ilha l-aħħar snin tiddefendi s-sovranità tagħha kontra l-Magna tal-Gwerra tal-President Russu, Vladimir Putin.

Intant, Robert Fico enfasizza li l-Kunsill tal-Ewropa – waqt is-summit tal-Ħamis — ma ħareġ bl-ebda impenn konkret għall-Ukrajna li jitlob il-proviżjoni ta’ għajnuna finanzjarja u militari bħala l-kontribuzzjoni ‘ta’ bilfors’ mill-Istati msieħba fl-UE.