Lokali Qorti

Kważi €80,000 kumpens għal mara li spiċċat bi problemi ta’ viżta wara operazzjoni f’għajnejha

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Toni Abela, sabet responsabbli kumpanija medika privata u ordnatilha tagħti kumpens ta’ €79,727 lil mara li spiċċat bi problemi fil-viżta ta’ għajnejha. Il-pazjenta, li hija mara tad-dar spiċat b’infezzjoni wara operazzjoni f’għajnejha.

Il-Qorti biex waslet għal din iċ-ċifra qalet: “il-valur tax-xogħol tal-mara tad-dar sfortunatament għadu mhux adegwatament rikonoxxut mil-leġiżlatur f’ħafna mil-liġijiet soċjali meta fil-fatt huwa kontribut li m’għandux prezz.

“Għalhekk b’sens ta’ apprezzament lejn il-valur tax-xogħol tal-parti fiż-żwieġ li tibqa’ d-dar biex tieħu ħsieb il-familja, din il-Qorti tħoss li għandu jkun applikat mhux il-kriterju tal-paga minima iżda dak tal-paga medja li llum hija ta’ €1700 fix-xahar”, qal l-Imħallef Abela.

Mill-provi li ħarġu mill-Qorti jirriżulta li għalkemm mhux b’ċertezza, jista’ jkun li waqt l-operazzjoni ntuża ilma tal-vit li seta’ wassal għall-infezzjoni. Minn studju li sar instab mikrobu li normalment dan jinstab fl-ilma tal-vit.

Il-mara fetħet il-kawża kontra d-Da Vinci Health Care Limited u l-kirurgu Pietro Zola fejn żammithom responsabbli għall-problemi fil-viżta li sofriet wara l-operazzjoni. Hija qalet li fl-2017 rat lill-kumpanija tirreklama operazzjoni magħrufa bħala Lasik Eye Surgery u għalhekk iddeċidiet li tagħmilha.

Il-mara spjegat li qabel l-operazzjoni sarulha xi eżamijiet mediċi biex jiġi stabbilit jekk kinitx b’saħħitha biżżejjed biex tagħmel l-operazzjoni. It-tabib Zola kien tal-fehma li kellha għajnejha xotta u li kien hemm bżonn li tqattar ħalli għanjejha ma jkunux xotti u b’hekk tkun tista’ tiġi operata.

Il-mara qalet fil-Qorti li l-operazzjoni saret fit-12 ta’ Lulju 2017 imma sfortunatament ma rnexxietx u spiċċat agħar tant mill-għajn il-leminija ma baqgħet tara xejn ħlief ċpar. Żiedet li spiċċat issofri minn kundizzjoni medika magħrufa bħala ‘microbial karatitis’ u tat tort lill-kumpanija u lill-kirurgu għal dak li seħħ.

Il-kumpanija minn naħa tagħha qalet li ma kinitx responsabbli għall-intervent għax dan sar mill-kirurgu u sostniet li hija pprovdiet biss il-post fejn saret l-operazzjoni. Qalet ukoll li l-mara ġiet avżata minn qabel dwar kumplikazzjonijiet li setgħu jinqalgħu.

Il-kumpanija tal-assikurazzjoni tal-kirurgu, Am Trust Internatinal Underwriters DAC, qalet li Dr Zola naqas li jinfurmaha li kienu ġew ippreżentati kontrih żewġ ittri u żiedet li l-polza tal-assikurazjoni li ħarġitlu tkopri l-Italja biss.

Wara li sema’ l-provi, l-Imħallef Toni Abela qal li fir-rigward ta’ Dr Zola rriżulta li dan qal lill-mara li l-operazzjoni ma setgħatx issirilha għax għajnejha kienu xotti. Tenna li l-kirurgu kellu esperjenza li tikkwalifikah bħala espert tal-għajnejn u dakinhar opera tliet persuni oħra li fiequ u kienu sodisfatti bl-operazzjoni li saritilhom.

Qal li kien wara li żviluppat infezzjoni fil-kornea tal-għajn ix-xellugija b’tabib tal-għajnejn li raha qal li ma setgħax jgħid jekk kienx hemm nuqqas fl-operazzjoni għax il-mikrobu jinstab fl-ilma tal-vit u ma eskludix li kien ġej minn hemm.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef Abela ma żammx lill-kirkurgu, u lill-kumpanija tal-assikurazzjoni, responsabbli għal dak li ġara. Mhux l-istess fil-konfront tal-kumpanija fejn l-Imħallef Abela qal li din ipprovdiet impjegati biex jgħinu lill-kirurgu fl-operazzjoni u materjal użat fl-operazzjoni fosthom l-ilma sterilizzat li jintuża waqt l-interventi kirurġiċi waqt li żied li r-reklam sar mill-kumpanija mhux mill-kirurgu.

Qal li l-għada tal-operazzjoni l-mara ċemplet lill-kumpanija għax ma setgħetx tiftaħ għajnejha u s-Segretarja qaltilha tkompli bil-qtar u meta reġgħet ċemplet qaltilha tibda l-antibijotiċi. L-Imħallef Abela żied li s-Segretarja hija impjegata tal-kumpanija u għamilha ċara li ma jara xejn sew li tkun is-Segretarja li tiggwida medikament lill-mara meta la kienet kwalifikata u lanqas għamlet l-intervent.

Dan meta skont tabib tal-għajnejn li rat il-mara wara dak li ġralha, intevent bħal dan huwa ħmar il-lejl għal ħafna tobba tal-għajnejn minħabba l-possibilità ta’ infezzjoni. Kien għalhekk li kkonkluda li l-kumpanija naqset meta s-Segretarja refgħet fuqha r-responsabbiltà u żammha responsabbli.

L-Imħallef Toni Abela, bħal kull sentenza mogħtija, wiżen l-aspetti kollha f’dan il-każ u fakkar li l-ispeċjalista tal-għajnejn Mr. Franco Mercieca jgħid li jista’ jkun il-kawża ta’ ilma infettat jew minħabba l-consumables użati ma jkunux sterilizzati tajjeb.

Din hija materja sensittiva ħafna li anke b’umdita’ żejda fuq l-apparat li jkun qiegħed jiġi użat jista’ jwassal għal din il-kundizzjoni. Importanti li jkun eċċentwat, li għalkemm li l-mara dejjem kellha problema bil-vista, ma kellhiex pero’ xi kundizzjoni pre esistenti li kienet tagħmilha vulnerabbli għall-infezzjoni li kellha f’għajnejha.

Mr. Franco Mercieca jgħid, li l-istat tas-sistema immunitarja tal-pazjent hija kruċjali għaliex din tilqa’ għal infezzjonijiet li jistgħu jfeġġu minn bacteria inkwistjoni. Iżda, ma jirriżultax mill-provi, li hi kienet tbati minn din il-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ immunità.

Għalhekk huwa ċar, li dak li wassal għal dan kollu lil mara seħħ fit-teatru ta’ fejn ġiet operata u ġaladarba dan ma ġarax tort tat-tabib Zola, bilfors li ġie kkawżat minn sorsi oħrajn. Il-Qorti hija tal-fehma li l-kawża ta’ dan kollu kien xi aġġeġ mediku jew ilma li kienu kontaminati għaliex ma kinux sterilizzati kif suppost.

Meta ġie għall-ammont tal-kumpens qies, fost oħrajn, li l-mara sofriet dannu permanenti fil-viżta ta’ 16% u kellha 37 sena meta għamlitha. Kien għalhekk li ordna li l-kumpens ikun ta’ €79,727.