Lokali

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta isir l-ewwel ajruport fl-UE ċċertifikat għall-istandards fil-benessri tal-impjegati

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sar l-ewwel ajruport fl-Unjoni Ewropea li kiseb l-ISO 45003, ċertifikat internazzjonali li jirrikonoxxi l-impenn tal-kumpanija fil-ħarsien tal-benessri fiżiku u psikosoċjali tal-impjegati tagħha. 

Filwaqt li ISO 45003 jipprovdi linji gwida rigward is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, bl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malti jkun fuq quddiem f’dan ir-rigward fost ajruporti oħra, il-kumpanija kisbet ukoll ċertifikat ieħor, ISO 45001, li wkoll jistabbilixxi standards robusti dwar il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Din ukoll kienet kisba importanti, li tagħraf l-isforzi tal-kumpanija biex tassigura li l-impjegati tagħha jiġu provduti bl-appoġġ neċċessarju, speċjalment meta jkunu qed jaħdmu fuq proġetti maġġuri madwar l-ajruport.

“Iż-żewġ ċertifikati huma xhieda tal-impenn tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex iħares u jsaħħaħ is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tiegħu. Apparti li jirrikonoxxu l-istandards għoljin tal-kumpanija, dawn iċ-ċertifikati jixhdu wkoll l-impenn tat-tmexxija tal-ajruport biex tikkultiva ambjent tax-xogħol san, fejn l-impjegati u l-imsieħba tal-kumpanija jħossuhom apprezzati u li għandhom l-appoġġ kollu meħtieġ. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jikkontribwixxi għal esperjenza u vjaġġ aktar sigur u pjaċevoli għall-passiġġiera kollha,” qalet l-Uffiċjal Kap għas-Saħħa u s-Sigurtà, Daniela Borg.

“Li timmaniġġa l-aspetti ta’ saħħa u sigurtà mhuwiex kompitu faċli, speċjalment f’organizzazzjoni bħall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li jopera 24 siegħa kuljum, b’attività u tkabbir kontinwu. L-għotja ta’ dawn iċ-ċertifikati lill-kumpanija ma kinitx waħda diffiċli, bl-aspett l-aktar evidenti u impressjonanti huwa l-impenn tat-tmexxija fil-ħarsien tal-benessri tal-impjegati u s-sens ta’ kultura b’saħħitha ta’ saħħa u sigurtà minsuġa fil-proċessi kollha,” qal Peter Cain, Maniġer ta’ Bureau Veritas Malta, filwaqt li feraħ lit-tim għall-kisba ta’ din il-mira importanti.

Filwaqt li għaddejin diversi proġetti infrastrutturali madwar l-ajruport, il-kumpanija implimentat miżuri strutturati ta’ saħħa u sigurtà skont dawn il-prattiki rikonoxxuti internazzjonalment, inkluż l-assessjar kontinwu tar-riskji, l-infurzar ta’ protokolli stretti u t-taħriġ adegwat u kontinwu lill-impjegati.

Internament, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien ukoll proattiv fil-ħolqien ta’ kultura tax-xogħol li tagħti l-appoġġ kollu meħtieġ lill-impjegati tagħha u tippromwovi bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Hekk kif tinsab qrib li tkun qed timpjega 500 impjegat, il-kumpanija introduċiet kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli, filwaqt li toffri lill-impjegati servizzi professjonali mingħand ħaddiema soċjali u programmi oħra għall-benessri tagħhom. Dan jassigura li l-membri kollha tat-tim tal-ajruport ikollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex jibqgħu b’saħħithom, kemm b’mod fiżiku u anke mentali.

Minn naħa tagħha, il-Kap għat-Taqsima tar-Riżorsi Umani u l-Kultura, Alexia Aquilina, spjegat kif fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, is-sigurtà, il-benessri u t-tkabbir professjonali mhux biss jingħataw prijorità, imma huma marbuta intrinsikament u huma l-pedament ta’ ambjent ta’ xogħol li jattira u jżomm l-aqwa talent.

“Meta l-impjegati jħossu li l-benessri tagħhom qed tingħata valur, se jkunu aktar motivati u impenjati fuq ix-xogħol filwaqt li jħossuhom aktar parti mit-tim,” qalet Aquilina. “Billi jinvesti fil-benessri tal-impjegati tiegħu, l-ajruport mhux biss qed jassigura li jżomm mal-aqwa standards ta’ sigurtà, imma anke joħloq ambjent tax-xogħol inklussiv u reżiljenti li minnu jgawdu l-impjegati infushom, il-kumpanija u l-viżitaturi kollha.”