Għaxar għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tal-wirt kulturali u ambjentali jinsabu allarmati bil-proposti fid-Development Notification Order (DNO), li qed tiġi ppreżentata taparsi bħala “Class 24 Greening Projects.” Minkejja t-titlu qarrieqi tagħha, din il-bidla legali mhix dwar tħaddir imma dwar li jingħataw lill-awtoritajiet u lill-iżviluppaturi iktar mezzi biex ikunu jistgħu jagħmlu li jridu u jibnu strutturi, faċilitajiet, u installazzjonijiet bla rażan – mingħajr l-iskrutinju jew appell pubbliku.
Taħt din il-proposta, Project Green u entitajiet oħra se jkollhom poter mingħajr kontrolli biex jibnu f’zoni li mhumiex intenzjonati għall-iżvilupp (ODZ) u f’zoni urbani permezz ta’ mekkaniżmu li se jippermettilhom jidħlu mit-tieqa minflok mill-bieb biex ikunu jistgħu jinjoraw politiki tal-iżvilupp stabbiliti. Dan mhuwiex aċċettabbli u jeħtieġ li jiġi mwaqqaf.
L-emendi proposti jippermettu strutturi, installazzjonijiet, hard landscaping, u saħansitra faċilitajiet permanenti li jistgħu jitħattew – mingħajr ebda restrizzjonijiet dwar l-għoli, il-volum u l-materjal użat. Dan jista’ jwassal għall-firxa ta’ strutturi kummerċjali fl-ODZ, id-degradazzjoni ta’ nħawi protetti, u l-qerda tal-ispazji ħodor li għad fadal f’Malta.
Wieħed mill-iktar aspetti allarmanti huwa l-provediment li effettivament ineħħi kwalunkwe salvagwardja li hemm fil-Pjan Lokali u f’oqsma regolatorji oħra. B’daqqa ta’ pinna, l-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda tipproponi liġi tal-ġungla, billi telimina s-sorveljanza pubblika u ambjentali li hija tant meħtieġa.
Minflok iżidu l-ispazji pubbliċi, dawn il-bidliet se jservu bħala paraventu għal konstruzzjoni bla kontroll li se tkompli tgħaddi minn fuq il-wirt kulturali u ambjentali ta’ Malta bħal gaffa.
Fakkru wkoll lill-awtoritajiet fil-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia, fejn Development Notification Order oħra li ma ġietx sorveljata, wasslet għal prattiċi ta’ kostruzzjoni perikolużi u fatali. Minkejja r-rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Inkjesta biex jiġu eliminati lakuni bħal dawn, il-gvern issa qed jipprova jwessa’ din is-sistema ta’ traskuraġni.
Appellaw lill-gvern biex b’mod immedjat jirtira dawn l-emendi perikolużi u biex jikkommetti ruħu għal restawr ambjentali ġenwin minflok politiki distruttivi li mhuma xejn ħlief eżerċizzju ta’ greenwashing.
L-istqarrija kienet maħruġa minn dawn l-għaqdiet:
- Azzjoni: Tuna Artna Lura
- BirdLife Malta
- Din l-Art Ħelwa
- Flimkien għal Ambjent Aħjar
- Għawdix
- Moviment Graffitti
- Nature Trust Malta
- The Archaeological Society Malta
- The Ramblers’ Association of Malta
- Wirt Għawdex