Lokali Qorti

Mhux ħati li kkaġuna ġrieħi gravi fuq sewwieq ta’ mutur

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fejn Paul Camilleri ta’ 56 sena ma nstabx ħati li kkawża sewqan perikoluż u manjiera traskurata kkaġuna ta’ ġrieħi gravi fuq persuna li kienet qed issuq mutur, f’inċident li seħħ f’Birkirkara aktar minn sentejn ilu. L-Imħallef Neville Camilleri qal li d-dinamika tal-inċident turi li Camilleri ma laqatx is-sewwieq bil-vettura tiegħu.

Il-każ seħħ fis-7 ta’ Novembru 2022. Kevin Brincat, l-allegat vittma, qal fil-Qorti li kien qed isuq mutur tax-xogħol fi Triq Dun Karm lejn id-direzzjoni ta’ Ħal Lija. Qal li huwa kien għaddej fuq il-lane tax-xellug meta għadda għal fuq il-lane tal-lemin biex jagħmel manuvra ħalli jaqla’ xi vetturi.

Spjega li waqt li kien kważi qabeż il-vettura tal-akkuż,t dan tal-aħħar beda jaqleb il-lane mingħajr preavviż u laqatlu l-mutur u spiċċa tefgħu fl-arblu tad-dawl. Brincat spjega li Paul Camilleri waqaf jgħinu jerfa’ l-mutur u f’dak il-mument, peress li ma kienx qed iħoss ħafna uġigħ ma rax li kien hemm
għalfejn jiġu l-Pulizija u ddeċieda li jmur ix-xogħol.

Tenna li rkopptu bdiet iżżid fl-uġigħ u ommu marret għalih ix-xogħol u wasslitu l-isptar fejn dam jistenna numru ta’ sigħat. Qal li huwa ġie ċertifikat li sofra ġrieħi fil-galletta ta’ rkopptu. Camilleri, minn naħa tiegħu, ċaħad li huwa mess il-mutur misjuq minn Brincat u spjega li waqt li kien wieqaf fit-traffiku huwa nnota li kien hemm spazju fuq il-lane ta’ ħdejh li kien qed jimxi u allura, wara li xegħel l-indicator u ra li ma kien ġej ħadd, beda jaqsam il-lane.,

Tenna li f’dan il-mument għadda minn ħdejh il-mutur ta’ Brincat u jgħid (l-akkużat) li huwa ma rahx minn
qabel lil dan il-mutur u jkompli li s-sewwieq tfixkel u waqa’ bil-mutur. Fl-appell tiegħu l-Avukat Ġenerali ressaq numru ta’ ilmenti u jargumenta li l-Ewwel Qorti għamlet apprezzament żbaljat tal-provi u tal-prinċipji legali.

Tenna li jekk wieħed janalizza bir-reqqa l-provi mressqa b’riferenza għall-affidavit tal-kuntistabbli Charlie Curmi li fih dikjarazzjonijiet tal-allegat vittma fuq id-dinamika tal-inċident. Paul Camilleri minn naħa tiegħu qal li jaqbel ma’ ħafna milli qal Brincat, iżda f’mument ieħor bidel il-verżjoni.

Il-Qorti qalet li jidher li l-parte civile ma qisx ir-riskji marbuta mal-manuvra li kien qed iwettaq stante li huwa spiċċa mal-art mingħajr ma ntlaqat mill-vettura tal-appellat. Għalkemm huwa minnu wkoll li Camilleri kien qed iwettaq manuvra ta’ sorpass kif ukoll jammetti li ma rax il-mutur qabel ma rah għaddej
minn ħdejh minkejja li jgħid li kien ħares mill-mera qabel ma’ qala.

Magħdud dan iżda daqshekk ieħor, fil-fehma tal-Qorti jidher li Brincat waqa’ waħdu. Huwa jispjega li kien kważi qabeż lil Camilleri meta dan beda jibdel il-lane għalhekk il-Qorti ma tarax kif dan seta’ kien il-kawża tal-waqa’ tal-parte civile.

Punt ieħor li ħasseb lil-Qorti huwa ta’ kif ġab ruħu Brincat wara l-inċident minkejja li l-mutur li kien qed jirkeb u li kien involut fl-inċident ma kienx tiegħu iżda kien tax-xogħol. Fit-tajjeb u fil-ħażin il-mutur inkwistjoni ġarrab xi ħsarat żgur.

Lanqas tagħmel sens il-verżjoni mogħtija minnu rigward ir-raġuni għalfejn ried jitlaq minn fuq il-post meta huwa jgħid li ried imur l-isptar iżda f’punt ieħor jgħid li ma kienx daqshekk imweġġa’. Il-Qorti qalet hija propensa temmen it-tieni verżjoni minħabba li l-parte civili jgħid li mar ix-xogħol, ħalla l-mutur u kien biss wara dan, li skont huwa, ommu marret għalih ix-xogħol u ħaditu l-isptar.

Dan id-dewmien żgur li ma jagħmilx sens għal persuna muġugħa li toqgħod tissaporti. Għalhekk f’għajnejn din il-Qorti ma tagħmilx sens il-verżjoni mogħtija mill-parte civile. Minn naħa l-oħra l-Qorti tinnota li l-verżjoni mogħtija minn Camiller hija lineari u ma fihiex wisq dawrien.

Mir-ritratt li hemm jidher biċ-ċar li meta l-mutur kien qed jiġi merfugħ kien fil-ġenb tat-triq u allura kien in parti fin-nofs tat-triq u in parti fuq is-central strip. Għalhekk din il-Qorti ma taqbilx mal-Avukat Ġenerali
meta jgħid li l-verżjoni mogħtija minn Camilleri hija kontradittorja stante li xi ftit il-mutur tela’ fuq is-central strip tal-anqas in parte.

Mir-ritratt jidher ukoll li s-central strip hija kemxejn dejqa u għalhekk tagħmel sens il-verżjoni mogħtija
minn Camilleri. Meta l-verżjoni mogħtija minn Camilleri tiġi mqabbla ma’ dik mogħtija minn Brincat, il-Qorti ma tirriskontrax raġunijiet għalfejn għandha tqis is-sewqan ta’ Camilleri bħala perikoluż jew
traskurat.

Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li jgħid l-Avukat Ġenerali, l-imputazzjonijiet miġjuba kontra Camilleri ma jirriżultawx li ġew pruvati sal-grad rikjest fil-kamp kriminali bil-konsegwenza li l-Qorti tal-Appell ċaħdet
l-argumenti mressqa mill-Avukat Ġenerali u kkonfermat is-sentenza tal-ewwel Qorti.