Opinjoni

OPINJONI: Għaliex Malta hi fl-aħħar post tal-enerġija rinnovabbli

Il-Partit Nazzjonalista ta l-eżempju billi stalla panelli fotovoltajċi fuq il-bejt tad-Dar Ċentrali
Nemmen li minkejja l-ħafna kliem dwar enerġija nadifa, m’aħniex nieħdu dan is-suġġett bis-serjetà li jixraqlu

minn Joe M. Zahra

Minn stħarriġ li sar mill-eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, fl-2023 Malta għal darb’oħra kellha l-inqas sehem ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku tagħha fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Għall-Unjoni Ewropea l-2023 kienet sena rekord għall-enerġija rinnovabbli. Żiedet 3.5 fil-mija. F’Malta ż-żieda kienet ta’ biss 0.6 fil-mija biex tul is-sena kollha laħqet 10.7 fil-mija. Ftit wisq meta tqis li fl-Awstrija 87.8 fil-mija tal-enerġija kollha tagħhom kienet mir-rinnovabbli, li l-Iżvezja kienet 87.5 fil-mija u fid-Danimarka 79.4 fil-mija. Jekk imbagħad nieħdu lin-Norveġja, li mhix pajjiż membru tal-UE, iżda parti mill-Ewropa, il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, is-sena l-oħra kienet 117 fil-mija tal-elettriku kollu minn riżorsi rinnovabbli. In-Norveġja tipproduċi kwantitajiet kbar ta’ żejt mill-Baħar tat-Tramuntana. Iżda minkejja dan xorta qed tiżviluppa bil-kbir ir-riżorsi rinnovabbli. U hekk qed tikkontribwixxi biex pajjiżi ġirien tagħha ma jibqgħux jiddependu fuq iż-żejt. Hekk ukoll ikollna ambjent aħjar.

U f’Malta x’qed jiġri? Pajjiżna jgawdi minn madwar 300 jum ta’ xemx tul is-sena. Għalhekk imissna li kull bejt ngħattuh bil-panelli fotovoltajċi. Iżda l-eżempju ħażin jiġi min-naħa tal-Gvern. Il-Gvern għandu blokki ta’ appartamenti ma’ Malta u Għawdex, skejjel, bini pubbliku. Dawn bejniethom jagħmlu eluf ta’ metri kwadri ta’ soqfa. Allura għaliex ma jibdiex l-istess Gvern jara li kull fejn għandu saqaf jistalla fuqu l-panelli!

Issib min jgħidlek iżda fi blokki ta’ appartamenti min ta’ min se jonqos il-kont tad-dawl? Jien nemmen li l-ewwel nett għandu jonqos mill-kont tal-komun u jekk jibqa’ jinqasam fuq dawk kollha li jkunu joqogħdu f’dawn l-appartamenti.

Iżjed minn hekk. Għandu jsir sforz li fuq kull bejt f’Malta u Għawdex jkunu stallati l-panelli fotovoltajċi. Ara kieku kemm jikber il-persentaġġ ta’ elettriku ġenerat minn dawn il-panelli. Hemm ukoll il-fabbriki li għandhom soqfa kbar li wkoll għandhom ikunu miksija bil-panelli. Mhux għax mhux diġà hemm ħafna li għandhom iżda l-mira għandha tkun li kollha jipproduċu enerġija minn  panelli fotovoltajċi. Ċert li bi sforz nistgħu nipproduċu 30 fil-mija tal-elettriku li nikkunsmaw, u iktar, mix-xemx.

Ma nistgħux għal sena wara l-oħra nibqgħu ma nilħqux il-miri li għamilna. Ma nistgħux inkomplu nħallsu l-‘carbon credits’ lil pajjiżi li qabżu l-miri tagħhom. Bejn l-2013 u l-2020 Malta xtrat madwar €1.4 miljun ta’ allokazzjonijiet ta’ emissjonijiet mill-Bulgarija kif ukoll madwar €2 miljun ta’ ‘tax credits’ mill-Estonja. Bi €3.4 miljun ara kemm il-Gvern kien jgħin proprjetajiet privati u bini kummerċjali  jistallaw il-panelli fuq bjuthom!

Riħ u hydro

Fl-2023 l-ikbar ammont ta’ elettriku li fl-Ewropa kien prodott minn sorsi rinnovabbli – 38.5 fil-mija – kien mir-riħ. Warajh, bi 28.2 fil-mija, kien il-hydro u fit-tielet post b’20.5 fil-mija kien hemm s-sorsa tax-xemx. Elettriku ieħor minn  sorsi rinnovabbli kien prodott minn biofuels solidi (6.2%) u sorsi oħra (6.6%).

Pajjiżna minbarra x-xemx jista’ jipproduċi wkoll elettriku mir-riħ. Dan biex tipproduċih jiġi ogħla mix-xemx iżda tajjeb li jkollna taħlita f’dawk li huma sorsi rinnovabbli. Ilna snin twal naħsbu biex ikollna wind farms ’il barra mill-kosta ta’ pajjiżna iżda fl-ibħra territorjali tagħna. Jidher li bdejna niċċaqalqu tant li f’Diċembru li għadda ħarġet sejħa pubblika għall-offerti għal floating offshore windfarm. Jekk kollox jimxi mal-miri, li mhux faċli, l-ewwel windfarm fuq il-baħar għandu jitlesta sal-2032.

Biss għalina hi x-xemx li tibqa’ l-ikbar riżorsa tagħna għall-enerġija rinnovabbli. Jien spiss nitla’ l-Ġermanja għand it-tifla u niskanta kif post bħal dak fejn ftit tidher ix-xemx tara panelli ma’ ħafna mis-soqfa tad-djar tagħhom. Jew f’xi għalqa kbira. Irdieden tar-riħ imbagħad għandhom kemm tara b’għajnejk. Mijiet, jekk mhux eluf.

Ambjent iktar nadif

L-enerġija minn sorsi rinnovabbli tiswa biex tinstalla. Anke jekk tiġbor il-flus li tkun investejt  fi żmien ftit snin. Iżda l-enerġija rinnovabbli tfisser ukoll ambjent iktar nadif. Ambjent inqas imniġġes. Biżżejjed għandna l-vetturi li jniġġsu. Li dejjem iniġġsu iktar għaliex mhux biss qed jiżdiedu fin-numru iżda qed idumu iktar fit-traffiku u anke għaliex qed idumu iktar iduru biex isibu jipparkjaw u għalhekk jinħela iktar petrol u diesel li jikkontamina iktar.

Nemmen li minkejja l-ħafna kliem dwar enerġija nadifa, m’aħniex nieħdu dan is-suġġett bis-serjetà li jixraqlu. Il-Gvern flok jieħu l-passi meħtieġa biex ikollna arja iktar nadifa kien hemm proġett fejn iktar minn 100 karozza tal-linja kienu se jinqalbu għall-elettriku b’fondi mill-Unjoni Ewropea u waqqfu.

Kien hemm ukoll proġett biex tinbena l-infrastruttura taċ-‘charging points’ minn fejn  il-karozzi li jaħdmu bl-elettriku jkunu jistgħu jiġu ċċarġjati. Anke dan spiċċa. Kif jista’ jkollok iktar karozzi jaħdmu bl-elettriku jekk ma jkunx hawn ‘charging points’ fejn ikunu jistgħu jiċċarġjaw il-batteriji! Sadattant aħna wieħed mill-ftit pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li m’aħniex nilħqu l-miri tagħna mal-Unjoni Ewropea li trid li sal-2050 l-Ewropa jkollha ekonomija netta tal-karbonju zero.

Bil-kliem, bl-istqarrijiet, bil-konferenzi tal-aħbarijiet, m’aħniex se naslu. Biex naslu jrid ikun hemm iktar ħeġġa u rieda biex dak li hemm bżonn isir, isir. Biex l-investiment f’dan is-settur jikber. Għaliex b’aktar elettriku minn sorsi rinnovabbli, il-Gvern jonfoq inqas fuq xiri ta’ gass u żejt biex ikollna l-enerġija neċessarja.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 7 ta’ Marzu, 2025.