Opinjoni

OPINJONI: Il-Gvern b’aġenda perikoluża

Il-Gvern Laburista għadu għaddej bir-ras iebsa tiegħu li jdaħħal fis-seħħ l-abbozz ta’ liġi li jkompli jemenda l-kodiċi kriminali

mid-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio
Shadow Minister għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali

Nirrifletti ftit fuq il-liġi kontroversjali li tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra fi żmien partikolari. Din in-naħa qed isostni li tqiegħdet anke b’aġenda partikolari.
Aħna qegħdin insostnu li hawn hekk il-Gvern qed jipproponi li jdgħajjef serjament id-dritt ta’ ċittadin li jitlob li ssir inkjesta maġisterjali.
Tajjeb li ngħidu li din il-liġi kienet liġi li kienet ġiet introdotta minn Amministrazzjoni Nazzjonalista proprju biex fejn persuna ma tħosshiex komda li tmur tirraporta reat, allegazzjoni ta’ reat lill-Pulizija, ingħatat għodda biex tkun tista’ tagħmel dan direttament lill-Maġistrat Inkwerenti.

Salvagwardji
Dawn is-salvagwardji kienu jinkludu fl-ewwel lok li t-talba ssir quddiem Maġistrat; il-Maġistrat jara x’hemm u x’hemmx, x’inhuma d-dokumenti relatati u l-allegazzjonijiet f’dak ir-riskors li tkun tressaq minn dik il-persuna individwali, dak iċ-ċittadin privat sabiex jagħmel din it-talba.
Kien hemm ukoll is-salvagwardja li din it-talba li tkun qed issir miċ-ċittadin privat li qed imur għand il-Maġistrat għax qed iħossu iktar komdu li jmur għand Maġistrat minflok imur għand il-Kummissarju tal-Pulizija effettivament tiġi notifikata lill-persuna suspettata, li jingħata wkoll id-dritt li jirrispondi, li jingħata wkoll id-dritt li jsemma’ leħnu; imbagħad il-Maġistrat kien jiddeċiedi jekk tinfetaħx jew le inkjesta.
Għall-partijiet kollha hemm dritt ukoll ta’ appell lill-Qorti Kriminali preseduta minn Imħallef, li allura se tkun qiegħda tirrevedi dik id-deċiżjoni li tkun ittieħdet. Allura kien hemm mekkaniżmu, u almenu sal-lum għad għandna mekkaniżmu li jagħti l-fakultà lil dak iċ-ċittadin privat li juża din l-għodda meta huwa għandu allegazzjoni li sar xi reat u mhux komdu li jmur jirrapporta dan ir-reat lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Hawn hekk, però, qegħdin naraw li l-Gvern tal-ġurnata jrid joħnoq din il-possibbiltà; joħnoq dan id-dritt taċ-ċittadin. Ċertament ma nistgħu qatt naslu biex inbellgħu lin-nies li l-Maġistrati, li l-Imħallfin fil-Qrati tagħna, meta jiġu biex jiddeċiedu ssirx inkjesta jew le, b’xi mod jew ieħor jieħdu din id-deċiżjoni abbażi ta’ dak li jkun inqtal f’xi bar.
Hawnhekk qegħdin nisfumaw u naraw madwarna ħafna spin inutli, ħafna spin u propaganda rħisa li dawn l-inkjesti jinbdew għaliex ikun hemm xi ħadd li qal xi ħaġa ġo xi bar. Dan mhu minnu xejn. Din hija totalment inveritiera, u saħansitra tnaqqas anke mill-integrità tal-ġudikanti tagħna; li jkun hawn min jixtieq ibella’ li effettivament abbażi ta’ x’qal xi ħadd ġo bar inti tista’ tiġi asoġġettat għal inkjesta maġisterjali. Ejjew naqtgħuha u noqtluha darba għal dejjem.

Il-Gvern irid ineħħi għodda importanti
Mill-inkjesti li saru, rajna li kien hemm lok li jsiru dawn l-inkjesti; u kien lok li din l-għodda tintuża. Din l-għodda, meta ntużat, ngħidu l-affarijiet kif inhuma, u napprezzaw li din l-għodda wasslet biex diversi persuni jiġu akkużati fuq diversi reati, li fir-realtà jew il-Kummissarju tal-Pulizija ma kienx qiegħed jinvestigahom jew inkella l-Kummissarju tal-Pulizija għażel li jabdika mid-dover tiegħu li jinvestiga u jħalli kollox fuq dak li se jiddeċiedi l-Maġistrat.
Imbagħad il-Kummissarju tal-Pulizija jagħżel li jaġixxi abbażi tal-konklużjonijiet ta’ dak il-Maġistrat. Tista’ taqbel ma’ din id-deċiżjoni, tista’ ma taqbilx ma’ din id-deċiżjoni, però ma nistgħux ma niftakrux li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu l-obbligu u dover li jista’ jagħmel l-investigazzjoni tiegħu, investigazzjoni separata u distinta minn dik li jagħmel il-Maġistrat inkwerenti f’dawn il-każijiet, li kulħadd naf għal min qiegħed nirreferi, il-Kummissarju tal-Pulizija għażel li ma jagħmel xejn u l-investigazzjonijiet bdew biss għax kien hemm ċittadini privati jew saħansittra anke l-Partit Nazzjonalista stess, li marru ‘l quddiem bl-informazzjoni, bil-provi biex jitolbu lill-Maġistrat inkwerenti jagħmel dak li l-Kummissarju tal-Pulizija ma kienx qiegħed jagħmel.
Din il-liġi mhux biss qegħda toħnoq, tissofoka dak id-dritt li ngħata lil kull ċittadin privat permezz ta’ leġiżlazzjoni introdotta minn Amminstrazzjoni Nazzjonalista, iżda qiegħed idaħħal mekkaniżmu fejn fl-istess dispożizzjonijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi qiegħed jagħmilha diffiċli ħafna biex din l-għodda tkompli tintuża.
Mela qed inbigħu l-propaganda li mhu qed jitnaqqas xejn mid-drittijiet taċ-ċittadini li jitolbu li ssir inkjesta permezz tal-Maġistrat għax dan ir-rimedju se jibqa’ hemm però, fir-realtà, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma tali li tant hawn thresholds, tant hawn diffikultajiet biex din issir, wieħed ma jistax ma jgħidx li dan l-Abbozz ta’ Liġi bid-dispożizzjonijiet li qed jintroduċi qed jirrendiha diffiċli ħafna, diġà ma kinitx faċli, diġà ma kinitx ħaġa awtomatika li meta ċittadin jitlob l-inkjesta permezz tal-Maġistrat din issir awtomatikament qisu xejn mhu xejn, jew abbażi ta’ x’qal xi ħaddf’xi bar.
Kienu bosta s-sitwazzjonijiet fejn talbiet minn individwu privat biex issir inkjesta maġisterjali permezz ta’ din il-Liġi kif inhi llum li ma ntlaqgħux.
Kienu bosta s-sitwazzjonijiet fejn mhux biss ma ntlaqgħux fejn saru appelli minn deċiżjonijiet tal-Maġistrat li m’hemmx lok li ssir inkjesta fuq talba taċ-ċittadin u dak l-appell reġa’ kkonferma dik id-deċiżjoni, jew saħansitra biddel id-deċiżjoni oriġinali li jkun ħa l-Maġistrat. Mela bħala stat ta’ fatt, din il-liġi kif inhi llum diġà wrietna li hemm sitwazzjonijiet li kull talba li ssir mhijiex awtomatikament milqugħa, mhijiex milqugħa għax fl-imgħoddi rajna diversi sitwazzjonijiet li dan ma sarx.
Ejja nitilqu min din il-premessa. Ejja ma nipprovawx inbellgħu lin-nies li kien hawn xi liġi li xi ħadd jista’ jisfruttaha kif irid, jista’ jħaddimha kif irid u jista’ jieħu minnha dak li jrid. Is-sistema tagħna hija tali li diġà hemm salvagwardji fi ħdan il-leġiżlazzjoni tagħna u l-esperjenza wrietna li mhux kull talba li jagħmel ċittadin privat neċessarjament se twassal biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 2 ta’ Marzu, 2025.