Il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ għamel dak li ilu magħruf għalih, U-turn oħra, jew aħjar 360-turn, li tħalli lil Malta bla direzzjoni.
Wara li lbieraħ filgħodu hu u dieħel għas-Summit tal-Unjoni Ewropea qal li huwa kontra li l-Ewropa tinvesti aktar fid-difiża tagħha, filgħaxija, fi Brussell stess, ivvota favur aktar investiment f’dan il-qasam.
Dwar dan is-suġġett, Robert Abela diġà bidel il-pożizzjoni tiegħu tliet darbiet pubblikament. Abela qabeż minn pożizzjoni għal oħra tliet darbiet fi spazju ta’ ftit ġimgħat.
Lejliet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Robert Abela għażel li jivvinta gidba oxxena fuq il-Partit Nazzjonalista li fi stqarrija qal li l-esponenti tiegħu biex jipprova jbellagħha lin-nies li l-PN favur il-gwerra – dan kollu għax il-PN qabel li hemm bżonn ninvestu iktar fuq id-difiża ta’ pajjizna u li n-newtralità tkun interpretata skont ir-realtà tal-lum il-ġurnata.
Imma filwaqt li f’Malta jgħid mod, fi Brussell Abela jgħid u jagħmel mod ieħor. Tant li fi Frar ta’ din is-sena stess, għamel l-ewwel U-Turn dwar dan is-suġġett meta f’Summit ieħor tal-mexxejja Ewropej Abela qal li Malta għandha tinvesti aktar fid-difiża. Dakinhar qabel mal-PN li Malta ma tistax tinterpreta n-newtralità b’mod statiku u għandha tħares lejn ir-realtajiet ġeopolitiċi tal-lum.
Jgħaddi xahar u jasal Summit ieħor tal-UE, dak tal-bieraħ. Fil-kummenti mal-ġurnalisti qabel beda s-Summit filgħodu Abela biddel il-pożizzjoni li kien ħa xahar qabel u sostna li l-pajjiż ma għandux jinvesti aktar f’dan is-settur.
Jgħaddu ftit sigħat u Abela reġa’ biddel il-pożizzjoni tiegħu. Għax fi tmiem is-Summit tal-bieraħ stess ivvota favur li l-UE tinvesti aktar f’dan il-qasam.
Din hi l-ipokrezija klassika ta’ Robert Abela; jgħid ħaġa f’Malta biex jidher tajjeb mal-pubbliku, imma mbagħad jagħmel l-oppost fi Brussell.
Meta l-Partit Nazzjonalista kien konsistenti dwar il-bżonn li l-Ewropa tinvesti aktar fid-difiża, Robert Abela ikkritikana u għajjarna, iżda mbagħad fil-moħbi jivvota eżatt kif ilna ngħidu aħna.
Dan mhux biss juri n-nuqqas ta’ kredibbiltà tal-Prim Ministru, iżda wkoll in-nuqqas ta’ direzzjoni tiegħu f’oqsma tant kruċjali għas-sigurtà ta’ pajjiżna.
Malta jixirqilha mexxej li jaf fejn hu sejjer, mhux Prim Ministru li jibdel il-pożizzjoni tiegħu skont kemm jaqbel lilu politikament.
//= $special ?>