Raġel ta’ 37 sena minn Ħaż-Żabbar ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal tliet snin u mmultat €4,500 wara li nstab ħati li mill-Buskett seraq barbaġann għad-dannu tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).
Huwa nstab ħati ukoll li kkaġuna dwejjaq lil diversi barbaġanni bil-Qorti tqies ukoll il-fatt li r-raġel kemm-il darba nsab ħati ta’ serq u li kien mar ukoll il-ħabs fuq dawn ir-reati.
Ronald Azzopardi nqabad mill-cameras li hemm fil-post u mit-tpinġija li kellu, bis-serqa sseħħ fis-7 ta’ Settembru 2020 kif ukoll li għamel interventi kirurġiċi biex ibiddel id-dehra tal-annimali u ma jinqabadx. Oriġinarjament Azzopardi kien mixli li seraq żewġ barbaġanni, imma l-prova li wasslet għal ħtija tiegħu kienet fuq serq ta’ barbaġann wieħed.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ wara li fit-8 ta’ Settembru 2020, il-FKNK għamlet rapport li meta uffiċjal tagħha mar jagħlef numru ta’ barbaġanni f’guvi ħdejn ir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett sab tieqa mkissra u barbaġanni neqsin.
Dawn il-barbaġanni jiffurmaw parti minn proġett tal-istess FKNK biex terġa’ tintroduċi l-barbaġann fl-ambjent naturali Malti. Dawn jiġu kkurati sew mill-Federazzjoni bil-ħsieb li l-popolazzjoni tagħhom tikber. Il-Pulizija raw filmati tal-cameras tas-sigurtà fejn raġel liebes flokk oranġjo tal-Environment Landscape Consortium (ELC) deher dieħel f’guva.
Dak iż-żmien l-ELC kienet tieħu ħsieb il-manutenzjoni tas-siġar fil-Buskett. Ir-raġel, li kellu tpinġijiet fuq id u fuq sieq, deher jaqbad barbaġann, ineħħielu l-pinen primarji mill-ġewnah tal-lemin, jitfgħu barra mit-tieqa u joħroġ.
Il-Pulizija rċeviet ukoll informazzjoni kunfidenzjali li s-serqa saret mill-akkużat, li dak iż-żmien kien għadu jaħdem mal-ELC. Meta l-Pulizija kellha dawn il-provi kollha f’idejha arrestat lil Azzopardi li dejjem ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih.
Id-difiża qalet li l-ELC kellha mat-300 impjegat u li fil-maġġornaza tagħhom għandhom it-tpinġija u għalhekk seta’ kien impjegat ieħor li seraqhom. Dan l-argument ma qablitx miegħu l-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.
Qalet li minn dak kollu li semgħet, il-provi jippuntaw f’direzzjoni waħda, li kien l-akkużat li wettaq is-serq tal-barbaġann. Hija qalet li nġiebet biss prova li nsteraq barbaġġan wieħed mhux tnejn, kif kien qed jingħad.
Rappreżentant tal-FKNK qal fil-Qorti li l-barbaġann kien jiswa €500, iżda l-Qorti qalet li ma nġiebet ebda prova dwar il-valur tiegħu. Il-Maġistrat sostniet li l-preżenza ta’ Azzopardi fil-guva kkaġunat dwejjaw lill-barbaġanni għax allarmathom kif irriżulta mill-filmat u għalhekk sabitu ħati wkoll li kkaġuna tbatija lil dawn il-ħlejjaq.
Meta ġiet biex tagħti l-piena qieset li Azzopardi kemm-il darba nstab ħati ta’ serq kif ukoll ħati dwar żamma ta’ arma tan-nar bl-aħħar piena fl-2013 kienet ta’ sitt snin ħabs.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Roderick Attard u Andy Rotin.
//= $special ?>