Internazzjonali

Stati Uniti: Se jispiċċa fuċillat skont il-liġi …snin wara li wettaq omiċidju doppju

Raġel li ilu s-snin fuq death row fl-Istat ta’ South Carolina, matul il-lejl, se jingħata l-piena kapitali …Żvilupp li se jkun konkluż aktar minn 20 sena wara li hu kien qatel lill-ġenituri tal-eks-tfajla tiegħu.

Brad Sigmon, li fl-2001 kien qatel lil dik il-koppja b’diversi daqqiet ta’ baseball bat, għażel hu stess li isir l-ewwel Amerikan fi 15-il sena li jispiċċa fuċillat ‘skont il-mandat tal-liġi’.

Il-proċess jinvolvi tlett voluntiera bl-inkarigu li jisparaw l-azzarini — ilkoll fl-istess ħin — minn wara purtiera. Dan wara li l-imputat jintrabat ma’ siġġu fil-kamra tal-esekuzzjoni u bl-uffiċjali tal-ħabs iwaħħlulu ‘mira’ ma’ qalbu.

Wara li wettaq l-omiċidju doppju, Sigmon kien ħataf lill-eks-tfajla tiegħu bħala ostaġġ iżda din irnexxielha taħrablu, minkejja li hu kien fetaħ in-nar għal fuqha.

Meta l-qattiel, imbagħad, ingħata l-għażla ta’ esekuzzjoni bis-siġġu elettriku jew bl-injezzjoni letali, hu għażel il-proċess (aktar vjolenti) tal-iffuċillar għaliex kien imħasseb dwar ‘l-effettività tal-proċeduri oħrajn’.

Intant, qed tirranka l-istennija għall-ewwel esekuzzjoni permezz ta’ firing squad fl-Istati Uniti sa mill-2010….Esekuzzjoni indikata għal ftit qabel nofs-il lejl, ħin ta’ Malta.