Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wara sensiela ta’ theddid dwar it-tariffi l-ġodda, iffirma d-direttivi eżekuttivi b’mod ferm differenti milli hu kien qed jindika sa ftit ilu….
Fil-fatt, id-direttivi – executive orders – ta’ Trump qed jespandu, għalissa u b’mod sinifikattiv il-prodotti eżenti mit-tariffi ġodda ta’ Washington fuq il-Kanada u l-Messiku, ġirien tal-Istati Uniti…Tariffi li kienu imposti proprju din il-ġimgħa u li mal-ewwel qanqlu diskors dwar miżuri ta’ ritaljazzjoni min-naħa tal-Kanadiżi.
Dawn it-tipi ta’ u-turns qed ikomplu jżidu l-inċertezza dwar x’għandu jagħmel Trump millum għall-għada. Fl-istess ħin, l-analisti qed jgħidu li dawn id-deċiżjonijiet qed itellfu mir-reputazzjoni tal-Istati Uniti bħala ‘trading partner’ kredibbli.
Sadanittant, din kienet it-tieni darba f’jumejn li Donald Trump naqqas jew irtira t-taxxi fuq l-importazzjonijiet mill-Messiku l-Kanada li dejjem kienu ż-żewġ sieħba ewlenin ta’ Washington fejn jidħlu aspetti ta’ kummerċ.
Donald Trump iħobb jgħid li l-kelma ‘tariffi’ hi l-isbaħ kelma fid-dizzjunarju, iżda l-ekonomisti kollha jaqblu li miżuri bħal dawn iżidu l-inċertezza għan-negozji, minbarra li jikkaġunaw it-theżżiż bla bżonn fis-swieq finanzjarji.
Il-President Amerikan, nhar l-Erbgħa, qal li kellu jevita, ‘għalissa’, il-levies ta’ 25 fil-mija fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-kumpanniji li jipproduċu l-karozzi….Dan jum biss wara li din id-direttiva kienet daħlet fis-seħħ.
Il-President tal-Messiku, Claudia Sheinbaum, irringrazzjat lil Trump għal din id-deċiżjoni waqt li l-Gvern Kanadiż qal li kien qed jipposponi ‘ir-rawnd li jmiss tat-tariffi ta’ ritaljazzjoni’ għall-prodotti mill-Istati Uniti.
Il-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, fl-aħħar sigħat kellu telefonata twila ma’ Donald Trump fejn huma diskutew l-issue tat-tariffi. Iżda wara, il-media Kanadiża żvelat li Trump, kemm-il darba, tilef is-sabar u beda juża ton aggressiv ħafna ma’ Trudeau waqt it-telefonata.
L-indikazzjonijiet, sadanittant, qed juru li l-Istati Uniti u l-Kanada, irrispettivament minn dak li jseħħ f’dawn il-ġranet, se jkunu xorta involuti fi ‘gwerra kummerċjali’ li għandha ġġebbed fit-tul.
Hu minnu wkoll li l-uffiċjali fil-White House, minkejja l-u-turn temporanju ta’ Trump, qed jinsistu li madwar 50 fil-mija tal-prodotti li l-Istati Uniti qed timporta mill-Messiku u 62 fil-mija tal-importazzjonijiet mill-Kanada xorta jistgħu jkunu suġġetti għat-tariffi…..L-iskala tat-tariffi tista’ tinbidel skont kif il-kumpanniji ‘jikkooperaw mal-executive order ta’ Donald Trump’.
Fl-istess ħin, l-Istati Uniti qed tkompli tippromwovi l-pjani għal tariffi oħrajn, għalkemm wieħed irid jara kemm dawn, fil-fatt, se jkunu implimentati.
Madankollu, fit-2 ta’ April mistenni li s-swieq globali jgħaddu minn theżżiża oħra ladarba Trump u l-Gvern Amerikan jiżvelaw ir-rakkmandazzjonijiet għall-impożizzjoni ‘reċiproka’ ta’ dazji li se jitfasslu b’mod speċifiku għal numru ta’ pajjiżi madwar id-dinja.
//= $special ?>