Lokali Qorti

Stqarrija trid tibqa’ valida f’ġuri dwar traffikar ta’ droga għax l-akkużat irrifjuta avukat ta’ fiduċja

Stqarrija li kien għamel Mario Mifsud mal-Pulizija fit-2 ta’ Ottubru 2012 dwar każ ta’ traffikar ta’ droga għandha tibqa’ valida minħabba li l-akkużat irrifjuta dritt, anke jekk kien ristrett tal-persuna suspettata li jkollha aċċess mal-avukat tal-fiduċja tagħha għal siegħa qabel l-interrogatorju.

L-akkużat Mario Mifsud ingħata dan il-jedd, iżda irrifjutah. Huwa ikkonferma li dan il-jedd ingħatalu u huwa baqa’ jirrifjutah. Għalhekk, f’dan ix-xenarju u meta għad irid isir il-ġuri, fejn il-Prosekuzzjoni bi ħsiebha tressaq provi oħra sabiex tissostanzja l-akkużi, ma jistax jingħad li l-Mifsud qiegħed isofri jew se jsofri minn xi leżjoni ta’ dritt għal smiegħ xieraq iktar u iktar meta waqt il-ġuri huwa se jkun assistit mill-avukat tiegħu.

Din id-deiżjoni ngħatat mill-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti li rrevokat deċiżjoni mill-Ewwel Qorti. Mario Mifsud ta’ 54 sena minn Ħal Luqa, xufier tat-taxi, se jgħaddi ġuri mixli li flimkien ma’ ħaddieħor ikkonfoffa ma’ ħaddieħor fit-traffikar tal-kokaina.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali għaldaqstant laqgħet l-appell li sar mill-Avukat Ġenerali u għalhekk irrevokat is-sentenza appellata fejn ma nstab li ma hemm l-ebda ksur fil-konfront tal-akkużat. Bil-Qorti tibgħat l-atti lura lill-Qorti Kriminali sabiex jitkompla s-smigħ ta’ qabel il-ġuri tal-każ skont il-liġi.

Il-każ tagħhom huwa marbut ma’ dak tal-Kolombjan Wilder Lopez Garcia ta’ 47 sena u persuna oħra ta’ nazzjonalità Maltija. Il-Pulizija dejjem sostniet li l-Maltin kienu qed jixtru d-droga mingħand Garcia, biex ibigħuha. Iżda huma, min-naħa tagħhom, qed isostnu li d-droga kienet għall-użu personali tagħhom.

Mifsud mistenni jiġi akkużat b’erba’ Kapi ta’ Akkuża. Li f’Ottubru tas-sena 2012 u fis-sentejn ta’ qabel,
assoċja ruħu flimkien u ma’ persuna jew persuni oħra f’Malta sabiex ibigħ jew jittraffika d-droga kokaina f’Malta, li fl-istess perjodu forna, biegħ jew xort’oħra ttraffika d-droga kokaina, li ma kellux awtorizzazzjoni għall-importazzjoni u li kkommetta d-delitt ta’ ħasil ta’ flus.

Fil-każ li jinvolvi lil Garcia kien irriżulta li mara Kolombjana u ħabiba Spanjola kienu għenu lill-Pulizija biex jarrestaw lil Garcia, li allegatament kien ħallashom tajjeb biex idaħħlu l-kokaina f’Malta. Iż-żewġ nisa kienu nżammu mill-Pulizija fl-ajruport f’Settembru tal-2012, meta kellhom id-droga fil-partijiet privati ​​tagħhom.