Lokali

Tarxien Pageant Group tippreżenta d-dramm tal-passjoni ‘LUMEN FIDEI – Id-dawl tal-Fidi’

It-Tarxien Pageant Group, għal darba oħra, ser jippreżenta dramm live fuq il-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu fil-14 u 15 ta’ April fil-parkeġġ ta’ quddiem il-Kulleġġ St. Thomas More, Ħal Tarxien.

Lumen Fidei – Id-Dawl tal-Fidi huwa dramm li jitratta l-ħajja tal-aktar nies qrib il-messija, qabel u wara l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Permezz ta’ mixja mad-dixxipli ta’ Għemmaws, se nidħlu fil-profond tal-konflitti morali li kellhom jaffaċċjaw id-dixxipli ta’ Ġesu’ matul iż-żminijiet iebsa. Żminijiet, fejn id-dinja kienet maħkuma mid-dlam u l-ħażen tal-bniedem. Din l-istorja se turina u tgħallimna kif id-dawl għeleb dan id-dlam. Ser naraw ukoll personaggi bħan-Nikodemu u Pietru, li qatt ma qataw qalbhom quddiem l-inġustizzji u t-tentazzjonijiet kontinwi li ltaqaw magħhom. B’kuntrast ma’ dan kollu, nsibu l-qalb iebsa ta’ Ġuda, li wasal biex jagħmel patt li wasslu biex jimxi fit-triq tad-dlam.

Dan id-dramm, li huwa maqsum fuq żewġ atti, bid-differenza minn drammi riċenti ta’ l-istess għaqda, se jiffoka ħafna aktar fuq il-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Permezz ta’ din ir-rapresentazzjoni, żgur li ser toħloq esperjenza mill-isbaħ lill-udjenza.