Is-Sibt filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela, fi stat ta’ paniku wara li saħansitra ħareġ jattakka d-deċiżjoni tiegħu fuq Facebook l-MEP Laburista u Viċi President tal-S&D, kif ukoll Deputat Mexxej tal-Labour, Alex Agius Saliba , mar fuq ir-radju tal-ONE biex jispjega għalfejn ivvota favur li l-Unjoni Ewropea tkompli tagħti l-biljuni ta’ ewro lil Ukrajna…wara li tkellem kontra ftit tal-ħin qabel.
Madanakollu f’madwar erbgħin minuta diskors fl-ebda mument ma ta spjega għalfejn reġa għal darb’oħra għamel u-turn, hekk kif kien biss il-Mexxej tal-Ungerija Viktor Orban li vvota kontra li l-Unjoni tagħti 800 biljun ewro lill-Ukrajna.
Minkejja li vvota favur li dawn il-flus imorru sabiex l-Ukrajna tkompli tissaħħaħ fil-battalja mar-Russja, wara li l-President Russu Vladimir Putin invada l-artijiet Ukreni lura fl-2022, Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li jinsab assolutament ċert li l-Ukrajna se titlef din il-gwerra.
Il-Prim Ministru żbilanċja ruħu aktar minn darba tant li insista li jekk hawn min qed jgħid li l-Ukrajna tista’ qatt tirbaħ ma jafx x’inhu jgħid.
Intant, huwa insista li l-Gvern immexxi minnu għandu qrubija mal-Presidenza Amerikana ta’ Donald Trump filwaqt li b’mod ċar ried ideffes id-dubju jekk verament l-Unjoni Ewropea tixtieqx il-waqfien mill-ġlied.
Bosta ddeskrivew id-diskors ta’ Robert Abela bħala wieħed perikoluż fl-aħħar jiem, hekk kif staqsew x’inhi n-narrattiva ta’ paċi li jrid ifisser il-Mexxej Laburista ċioè jekk l-Ukreni għandhomx iċedu t-teħid ta’ art u invażjoni illegali – b’riskju li l-Ewropa jkollha wara biebha Dittatur li skont rapporti internazzjonali jrid jerġa’ jibda jgħaqqad l-Imperu Sovjetiku.
Intant, Robert Abela insista li hu vvota kontra li Malta jkollha, tinvesti jew tagħmel użu minn armi letali bħal tankijiet tal-gwerra. Iżda dan sar kemm għaliex il-kostituzzjoni ta’ Malta ma tippermettilux, kemm għal fatt li Gvern Nazzjonalista kien iffirma patt fil-pakkett li dħalna bih fl-Unjoni Ewropea…u kemm għaliex realistikament dawn l-armamenti pajjiżna mhux li wisq għandu x’jambihom.
Għaldaqstant, bħal ma dejjem insista l-Partit Nazzjonalista, Malta mistennija tkun qed tinvesti f’difiża ċibernetika tas-cyber security bħal per eżempju kontra xi attakk diġitali fuq pjattaformi online.
Finalment il-Prim Ministru insista li l-punt ta’ newtralità fil-kostituzzjoni ma nistgħux nilgħabu bih – punt kardinali li fil-verità kulħadd jaqbel miegħu – għajr l-istess Abela ftit tal-ġimgħat ilu, li turi l-iżbilanċ, il-u-turns kostanti ta’ Mexxej ta’ pajjiż li ma tafx fejn qiegħed miegħu.
//= $special ?>