Se nkomplu nfasslu politika li tagħti lill-mara l-opportunitajiet biex tuża l-ħafna ħiliet tagħha kif tixtieq hi, filwaqt li nsostnu r-rwoli differenti tagħha.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-mara tiegħu AnneMarie Grech iċċelebraw Jum il-Mara bi żjara lil Polly Muscat, raħħala li flimkien ma’ żewġha Karmenu tmexxi attività ta’ tkabbir tal-frawli fl-Għemieri, fil-limiti tar-Rabat.
Tul din iż-żjara li għaliha kienu preżenti wkoll ix-Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Ħarsien tal-Annimali Janice Abela Chetcuti, is-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ u x-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina kif ukoll uffiċjali tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN), huma setgħu japprezzaw id-dedikazzjoni tal-mara Maltija fil-ħidma ta’ Polly li llum għandha 65 sena u li għadha taħdem l-art bl-istess imħabba li biha rabbiet it-tliet ulied tagħha, minbarra li llum tgħin fit-trobbija tas-seba’ neputijiet.

Polly, li twieldet u trabbiet fir-raba’, hija xempju tal-bżulija, il-ħila u r-reżiljenza tal-mara.
Illum il-Partit Nazzjonalista qed ifassal politika aġġornata biex il-mara jkollha l-aqwa opportunitajiet billi jinħoloq aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.

Il-Partit Nazzjonalista jagħraf li ħafna drabi l-mara għadha ġġor piż akbar mir-raġel fejn jidħlu r-responsabbiltajiet tal-familja u għadha żvantaġġjata fejn jidħlu kundizzjonijiet ugwali tax-xogħol.
Bil-politika tiegħu, il-PN irid iwassal għal aktar ugwaljanza bejn nisa u rġiel mingħajr ma jintmessu l-kwalitajiet uniċi tal-mara.
In-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn is-sessi hija realtà li rridu niġġildulha permezz ta’ politika li tagħraf ir-realtajiet tal-lum biex il-mara jkollha d-dinjità mistħoqqa jkunu xi jkunu l-għażliet tagħha, sew jekk tagħżel li tistudja u li jkollha karriera, sew jekk tagħżel li trabbi lil uliedha, u sew jekk tagħżel li tagħmel it-tnejn.
Filwaqt li naħdmu bis-sħiħ għall-ugwaljanza, wieħed irid jirrikonoxxi l-fatt li l-kontribut li tagħti l-mara lis-soċjetà huwa indispensabbli u ma jistax ikun sostitwit.
F’Jum il-Mara, il-Partit Nazzjonalista jsellem lin-nisa kollha. Isellem lil dawk li għamlu suċċess minn ħajjithom. Imma jsellem ukoll lil dawk li għadhom qed jiġġieldu l-mewġ, lil dawk li għadhom qed ifittxu l-opportunitajiet. Isellem lil dawk li qed ibatu minn inugwaljanzi, u lil dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet sempliċiment għax huma nisa.
L-impenn tal-Partit Nazzjonalista hu li jisma’ lin-nisa, li jipprova jifhem id-diffikultajiet differenti li jsibu ma’ wiċċhom u li jfassal politika li tkun ġusta biex uliedna bniet ikollhom ġejjieni aktar ugwali u biex pajjiżna jibqa’ jikber ukoll bis-saħħa tal-mara Maltija.
//= $special ?>