“Ifirħu fit-tama” (Rum 12:12). Qegħdin niċċelebraw il-Ġublew tas-sena 2025, li l-Papa Franġisku xtaq li jkun iddedikat lit-tama.
Min hu Pawlu li qed jgħid lin-nies ta’ Ruma “Ifirħu bit-tama”? Kif iltqajna miegħu? Aħna nirringrazzjaw lil Alla tal-miġja tiegħu fostna f’nawfraġju drammatiku li laqqagħna ma’ raġel imxarrab għasra li kellu x-xorti li jiltaqa’ magħna, u aħna xorti akbar li niltaqgħu miegħu.
Aħna nies ta’ qalb twajba li lqajna lilu u l-275 passiġġiera l-oħra tal-ġifen. Mal-mexxej Publiju wrejna xi tfisser umanità, xi tfisser qalb li ma tħarisx lejn il-kundizzjoni tal-bniedem imma lejn il-bżonn tiegħu. Din it-turija ta’ rispett lejn l-umanità, aħna għamilnieha qabel ma ltqajna ma’ Kristu. Jalla, wara elfejn sena li ltqajna ma’ Pawlu u ma’ Kristu, qatt ma nitilfu d-diċenza oriġinali tal-ewwel abitanti ta’ din il-gżira.
Pawlu l-bniedem li jagħti t-tama
Fir-rakkont tal-vjaġġ lejn Malta, waqt it-tempesta, fl-Atti tal-Appostli hemm l-espressjoni:
“fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw” (Atti 27:20). Hemmhekk Pawlu jintervjeni u jgħidilhom biex ma jibżgħux: “Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw’” (Atti 27:23-24).
Pawlu għamel kuraġġ lil sħabu. Dan Pawlu, bħala Lhudi, tgħallem jittama f’Alla wieħed.
Min jaf kemm-il darba qara, xtarr u talab fuq il-kliem tal-Profeta Ġeremija: “It-tama ta’ Iżrael
int, Mulej, kull min jabbandunak, jitħawwad. Dawk li jitbiegħdu minnek fit-trab jinkitbu, għax
telqu lill-Mulej, l-għajn tal-ilma ġieri” (Ġer 17:13).
Fil-laqgħa tagħna ma’ Pawlu ltqajna ma’ bniedem li ma kellux it-tama tal-pagani. It-tama tal-pagani kienet li xi darba jiġri xi ħaġa li tiffavurina bħal min jaqta’ biljett tal-lotterija u jittama li jirbaħ. Mhux dik it-tama ta’ Pawlu. It-tama ta’ Pawlu hija mibnija fuq il-fidi li Alla jżomm kelmtu u li l-imħabba tiegħu ma tiġi qatt nieqsa. Min jabbanduna lil Alla jkun jabbanduna “l-għajn tal-ilma ġieri” (Ġer 17:13).
It-tama fil-Mulej hi l-aqwa garanzija
X’se nagħmlu aħna li ltqajna mal-Mulej għax laqqagħna miegħu Pawlu? X’se nagħmlu
b’ħajjitna, bil-kultura tagħna, b’pajjiżna? Il-Mulej mhuwiex għadu tal-libertà tagħna,
tal-progress veru, tad-dinjità tagħna. Il-Mulej, jekk nittamaw fih, hu l-aqwa garanzija ta’ dan
kollu.
Pawlu, fit-tagħlim tiegħu, jurina xi tfisser it-tama. Juri li “Ġesù hu t-tama tagħna” (1 Tim
1:1-2). “Permezz tiegħu,” jgħid lir-Rumani, “għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li
qegħdin fiha,” għall-ħniena, għall-imħabba t’Alla. Jgħid “Aħna niftaħru bit-tama li għandna
li għad niksbu l-glorja t’Alla” (Rum 5:2).
Mela t-tama fl-Appostlu Missierna San Pawl hi l-ewwel nett direzzjoni li tagħti lil ħajjitna.
Jgħid: “Niftakru fil-ħidma li ġejja mill-fidi tagħkom, fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom, niftakru fil-qawwa tat-tama tagħkom” (1 Tess 1:3). Fil-magħmudija aħna ngħatajna dawn id-doni spiritwali: il-fidi, it-tama u l-imħabba. Il-pedament hu l-fidi. Il-mod konkret kif tgħixha hi l-imħabba. It-tama hi li tagħtik id-direzzjoni. Hi ankra u boxxla għal ħajjitna.
“Aħna salvi bit-tama,” hi espressjoni sabiħa li juża l-Papa Benedittu XVI fir-riflessjoni
sabiħa u profonda fuq it-tama Spe Salvi. Hi meħuda mill-ittra ta’ Pawlu lir-Rumani, u jgħid
hekk l-Appostlu Missierna: “Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama,
ma tkunx aktar tama” (Rum 8:24) inkunu wasalna, m’għandniex bżonn mappa,
m’għandniex bżonn direzzjoni.“Għax kif jista’ jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra?” (Rum 8:24).
Pellegrini tat-tama
Imma aħna għandna bżonn din it-tama għax għadna ma wasalniex. Aħna pellegrini,
għalhekk il-Papa Franġisku bħala motto ta’ din is-sena għażel ‘Pellegrini tat-Tama’.
Fil-mixja tagħna tal-ħajja, għandna bżonn li din it-tama tagħtina d-direzzjoni. Nistaqsu lilna
nfusna: aħna fejn irridu mmorru? L-għażliet li qed nagħmlu bħala soċjetà, bl-għażliet
personali, fejn irridu mmorru? X’inhi t-tama tagħna?
“Kulma nkiteb fl-iskrittura fl-imgħoddi inkiteb għat-tagħlim tagħna biex bis-sabar u bil-faraġ
li tagħtina l-iskrittura, aħna jkollna t-tama” (Rum 15:4). Dan il-kliem Pawlu kitbu meta kien
ħabsi ppersegwitat, lill-komunità li kienet ippersegwitata, li kienet itturufnata għall-għażla
tagħha ta’ Ġesù. Pawlu jsarraf it-tama tiegħu u ta’ ħutu l-Insara b’dawn iż-żewġ kelmiet:
sabar u faraġ. Jekk ikollok it-tama, iħabbat kemm iħabbat il-maltemp, ikollok is-sabar,
ir-reżiljenza, il-kapaċità li tkompli, li ma taqta’ qalbek qatt, u jkollok ukoll il-faraġ, il-faraġ
tal-qalb.
It-tama fil-ħajja ta’ dejjem
Imma din id-direzzjoni trid tkun ukoll ibbażata fuq it-tama fil-ħajja ta’ dejjem. Ħafna drabi
aħna u nħarsu lejn ħajjitna, naħsbu fil-kuntentizza tal-ħajja tagħna ta’ issa u ninsew li qed
“nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu”
(Titu 2:13).
Meta Pawlu kiteb dawn il-kliem lil Titu, kien qed jitkellem fuq l-esperjenza li diġà kellu, għax
hu kien ra din il-glorja fit-triq ta’ Damasku. Kienet esperjenza li biddlitlu ħajtu u li għarrfitu
li l-kelma tiegħu f’Alla hi wkoll it-tama f’Ġesù ta’ Nazaret. Kienet ukoll stedina għall-ħajja
ta’ dejjem.
Min jittama vera u jaħseb fil-mewt, ma jaħsibx f’xi ħaġa li ttemmlu ħajtu fix-xejn, imma
f’bieb jew tieqa għall-ħajja ta’ dejjem. Ejjew naħdmu biex dan l-appuntament ta’ kull wieħed
u waħda minna mas-Salvatur, din it-tama hienja tkun tassew laqgħa sabiħa, u mhux frott
tad-deċiżjoni li ntemmu ħajjitna qabel iż-żmien jew li ngħixu ħajja bla tama. Ejjew naħdmu
biex meta niftakru fit-tmiem ta’ ħajjitna fuq din l-art, qalbna tiftakar f’dik it-tama hienja u
Alla jbierek dak kollu li nagħmlu bħala soċjetà, biex min qiegħed qrib id-destinazzjoni
tal-ħajja ta’ dejjem ikun imwieżen bis-sapport tagħna, bis-servizzi kollha meħtieġa,
bl-imħabba tal-aħwa, mhux abbandunat, mhux imwarrab, imma rispettat, imwieżen,
megħjun.
“Ma rridux li ma tkunux tafu,” jikteb Pawlu lit-Tessalonkin fuq il-mejtin, “biex ma ssewdux
qalbkom bħall-oħrajn li m’għandhomx tama” (1 Tess 4:13). Meta ngħaddu mill-mewt ta’
min ikun qrib tagħna, insewdu qalbna għalih u nibku bħalma għamel Ġesù quddiem
il-mewt tal-ħabib tiegħu Lazzru. Imma jekk ma għandniex it-tama tal-ħajja ta’ dejjem, dak
is-swied ta’ qalb ma jintemm qatt.
Il-faraġ tagħna hu aqwa. “Ifirħu bit-tama, stabru fil-hemm, itolbu bla waqfien” (Rum 12:12).
Din hi l-istedina ta’ Pawlu f’din is-sena mqaddsa tal-grazzja. Ejjew nifirħu li ħajjitna
għandha direzzjoni li hi Ġesù, nistabru fil-mumenti ta’ tbatija, u nitolbu bla ma naqtgħu biex
il-Mulej iqawwilna qalbna u jsaħħaħna f’kull għemil u kelma tajba.