Lokali

“Ningħaqdu vuċi waħda quddiem il-Parlament”

Għada importanti li l-poplu Malti u Għawdxi jilqa’ s-sejħa tal-Partit Nazzjonalista u jingħaqad vuċi waħda quddiem il-Parlament.

Saħqet dan ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg waqt il-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq l-RTK fejn insistiet li preżentament f’pajjiżna s-Saltna tad-Dritt tinsab taħt theddida waqt li l-work life balance qed jintilef għal kollox – għalhekk huwa importanti li n-nies isemmgħu leħinhom quddiem dan kollu.

Intant, preżenti kien hemm ukoll l-eks Ministru u issa backbencher Laburista Carmelo Abela fejn mistoqsi jekk jaħsibx li kellu jitħalla jirriżenja l-Ministru Byron Camilleri, u saħansitra jerġa’ jintgħażel hu nnifsu bħala Ministru għall-Intern, Abela saħaq li hija prerogattiva tal-Prim Ministru.

Finalment mistoqsi dwar is-sigurtà u l-Armata f’pajjiżna fost oħrajn u b’mod mill-aktar partikolari b’rabta mas-serqa ta aktar minn mitejn kilogramma droga mill-barracks tal-AFM, id-Deputat Laburista insista li qatt ma kellha sseħħ u qed jistenna l-eżitu tal-inkjesti.