SLIEMA ASC………… 12
GZC DONK………….. 12
(6-6), (1-1), (3-3), (2-2)
Viċin il-finali iżda daqstant ‘l bogħod. Sliema kellhom ibaxxu rashom għat-tim Olandiż GZC Donk hekk kif ir-rimonta tant mixtieqa ma seħħitx u sfaw eliminati fil-partita ta’ ritorn tas-semifinali. B’hekk intemmet l-avventura Ewropea Slimiża fiċ-Challenger Cup, esperjenza li żgur kompliet tgħin liċ-champions lokali biex jitjiebu.
Il-folla sabiħa li kienet preżenti fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera żgur li tat imbuttatura lill-plejers immexxija minn Giannis Katrouzanakis iżda għal marġni żgħar ġiet imħassra l-festa spontanja li kieku ġiet imdawra t-telfa ta’ 18-17 fl-Olanda ġimagħtejn ilu.
Il-logħba kellha bidu elettrifikanti biż-żewġ timijiet ħarġu determinati li jieħdu l-vantaġġ fil-logħba. B’Sliema jibdew bi żvantaġġ ta’ gowl mill-ewwel logħba, irnexxielhom jieħdu vantaġġ doppju sal-ewwel żewġ minuti tal-logħba b’doppjetta ta’ Dino Zammit.
Reazzjoni mit-tim Olandiż li wieġeb immedjatament b’żewġ gowls minn Westerwoudt u Winkelhorst. Sliema ħadu vantaġġ ta’ gowl għal erba’ darbiet sa tmiem is-sessjoni iżda f’kull okkażjoni, GZC Donk wieġbu kull darba.
Fit-tieni sessjoni, Schouwerwou ta vantaġġ lill-Olandiżi għall-ewwel darba sakemm il-veteran u captain John Brownrigg ġab id-draw mill-viċin. Ir-ritmu tul is-sessjoni kien aktar kajman mill-ewwel sessjoni, b’anqas preċiżjoni quddiem il-lasta.
Pass importanti minn Sliema fit-tielet sessjoni hekk kif għat-tieni darba fil-logħba, inkseb vantaġġ doppju b’gowls taż-żgħażagħ Elijah Schembri u Julian Chircop. B’vantaġġ ta’ 9-7 ħafna ħasbu li dan il-mument seta’ jwitti t-triq għar-rebħa Slimiża. Madankollu GZC Donk bi bravura dawru r-riżultat favur tagħhom bi tliet gowls mingħajr risposta. Daniel Rizzo ġab id-draw biex l-aħħar sessjoni bdiet 10-10.
Konxji mill-fatt ta’ telfa b’gowl fl-ewwel logħba, hawn kien mistenni li t-tim Slimiż jgħolli l-livell biex jikseb ir-rebħa iżda minflok spiċċa jiġri wara r-riżultat. Wara li Benji Cachia kien wieġeb għall-gowl ta’ Winkelhorst, gowl mill-isbaħ ta’ Schouwerwou żewġ minuti mit-tmiem prattikament issiġilla r-rebħa għal GZC Donk.
Dino Zammit reġa’ ġab id-draw minn penalty b’37 sekonda għat-tmiem iżda ma kienx fadal biżżejjed ħin għal Sliema biex tal-anqas jisforzaw il-logħba aktar mill-ħin regolamentari. Mat-tisfira finali, minkejja d-diżappunt, il-plejers Slimiżi ntlaqgħu minn ċapċipa simbolika ta’ ringrazzjament għal dan il-vjaġġ Ewropew. Sliema issa jiftgħu l-attenzjoni fuq il-Kampjonat tax-Xitwa b’konfront kontra r-rivali Neptunes l-Erbgħa li ġej.
Sliema: N. Grixti, E. Schembri (2), L. Galea (2), J. Gambin, J. Cassar, B. Cachia (1), S. Engerer, D. Rizzo (1), J. Brownrigg (1), A. Galea (1), J. Chircop (1), D. Zammit (3), B. Busuttil
GZC Donk: A. Boujnane, K. Veenhuis, C. Westerwoudt (2), R. Terlouw, G. Van Ijperen (2), J. van der Weijden, S. van den Heuvel (2), J. Nispeling (1), T. Schouwerwou (3), Q. van den Heuvel, D. Schouwerwou, J. Winkelhorst (2), B. Bendeguz
Referees: Miroslav Mijanovic (Montenegro), Georgios Polychronopoulos (Greċja)
//= $special ?>