Is-Sirja mill-ġdid għaddejja minn jiem ta’ dmija wara t-tkeċċija tal-eks-President Sirjan, Bashar al-Assad, u meta l-gruppi għad-drittijiet umani huma ferm inkwetati dwar l-iżviluppi allarmanti f’pajjiż li qed jipprova jistejqer mill-istraġi tar-reġim brutali preċedenti.
Il-Mexxej ġdid tas-Sirja, Ahmed Sharaa, issa qed isejjaħ għall-paċi wara jiem ta’ battalji u konfronti mdemmija fejn il-qawwiet tas-sigurtà Sirjani, allegatament, qatlu l-mijiet taċ-ċivili tal-minoranza talAlawiti…Denominazzjoni reliġjuża ewlenija li ilha s-snin stabbilita fl-artijiet Sirjani.
Is-Syrian Observatory for Human Rights (SOHR) ibbażat fir-Renju Unit, fl-aħħar sigħat, ikkonferma li ‘il fuq minn 800 ċivili nqatlu fi 30 massakru fl-artijiet tal-kosta lejn il-punent tas-Sirja…Il-vittmi kienu kważi kollha Alawiti, bil-massakri jseħħu matul il-ġranet tal-Ġimgħa u s-Sibt.
Il-vjolenza li qed teskala bla dubju hi l-agħar fis-Sirja mindu krolla r-reġim ta’ Assad fl-aħħar tas-sena li għaddiet.
U issa, il-President Sharaa wissa li l-poplu jrid jagħmel minn kollox biex jippreserva l-paċi ċivili u l-għaqda nazzjonali f’pajjiż stabbli.
L-ammont tal-ġellieda li tilfu ħajjithom fi spazju ta’erbat ijiem qabeż l-1,000 u li jinkludu mal-130 ġellied għall-Gvern ġdid Sirjan taħt tmexxija Iżlamika. Fil-battalji nqatlu wkoll talanqas 150 ġellieda ostili għall-Gvern u li baqgħu jiddefendu r-reġim ta’ Assad.
Madankollu, il-President Sirjan qal li s-sitwazzjoni fil-pajjiż mhix waħda inkontrollabbli – għalkemm hu ma tkellimx direttament dwar l-akkużi li s-sostenituri tiegħu qed iwettqu l-atroċitajiet fuq il-membri tal-komunità tal-Alawiti fil-provinċji ta’ Latakja u Tartus.
Fl-aħħar sigħat, kien hemm ukoll il-battalji bejn il-qawwiet tal-President Sharaa u l-ġellieda leali għal Assad fl-inħawi ta’ faċilità għall-produzzjoni tal-gass fil-belt ta’ Banias.
L-aħħar vjolenza fis-Sirja żbruffat wara li numru ta’ gruppi armati, nhar il-Ħamis, wettqu sensiela ta’ attakki fuq il-qawwiet tal-Gvern – bil-Ministeru tad-Difiża f’Damasku jirreferi għall-azzjonijiet bħala ‘forma ta’ tradiment’ kontra t-Tmexxija li qed tipprova tirrisrawra l-ordni u l-paċi wara s-snin diżastrużi ta’ Assad.
Fil-fatt, fl-aħħar jiem komplew jirrankaw il-battalji bejn l-elementi leali għall-eks-dittatur Bashar al-Assad u l-qawwiet ta’ Sharaa – u bil-konsegwenza li mijiet ta’ ċivili kellhom jaħarbu minn djarhom qrib il-kosta Sirjana mal-Mediterran.
In-Nazzjonijiet Uniti, intant, ukoll sejħet biex in-naħat kollha fis-Sirja jżommu lura mill-azzjonijiet li jistgħu jiddistabbilizzaw il-pajjiż u jtellfu tranżizzjoni politika li hi kredibbli u daqstant ieħor inklussiva.
//= $special ?>