“Il-Partit Nazzjonalista jagħraf ir-responsabbiltà tiegħu quddiem Gvern li qed iwebbes rasu u jkompli jipprova jagħlaq il-bibien għal diskussjoni serja.”
Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt li kien qed jindirizza l-protesta minn quddiem il-Qorti li tella’ l-Partit Nazzjonalista bl-isem ta’ Gvern li Falla; protesta li matulha eluf sejħu biex pajjiżna jibdel dan il-Gvern li falla u minflok ikollu Gvern li jagħtih is-serjetà u s-serħan il-moħħ.
“Illum qegħdin hawn biex nipprotestaw kontra dan il-Gvern, kontra dan l-isfreġju li Robert Abela għamel minn pajjiżna. Qegħdin hawn għaliex bħala Maltin u Għawdxin ma rridux ngħixu iktar taħt din is-sħaba sewda. Qegħdin hawn għaliex bil-preżenza tagħna lkoll qed ngħidu li m’aħniex lesti naċċettaw dak li qed jiġri.”

Bernard Grech spjega li dan huwa Gvern li falla għax mhux ispirat minn direzzjoni jew valuri.
“Dan hu Gvern li għeja, Gvern mhux iffukat, Gvern li nixef mill-ideat. Gvern li politikament qisu jagħli għax jisbaħ. Gvern imnawwar u msewwes minn ġewwa.”
Il-poplu Malti u Għawdxi kollu qed ibati minn dan il-falliment, iżda b’differenza, Gvern Nazzjonalista se jkun qed jagħti ħajja aħjar f’pajjiżna.

“Gvern ġdid Nazzjonalista iħaddem pjan fit-tul, mhux skont iċ-ċiklu tal-elezzjonijiet ġenerali. Int u familtek ma tgħixux ħajjitkom f’episodji ta’ ħames snin. Intom tridu konsistenza u stabbiltà f’ħajjitkom. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jemmen li jrid ikun hemm politika li tibbilanċja l-ippjanar skont l-esiġenzi ta’ kull settur.”
Bil-Partit Nazzjonalista, taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech, jibqa’ kommess biex iħares il-ħtiġijiet tal-poplu kollu.






“Qed isir forza nazzjonali li tiġbor fi ħdanha nies ta’ fehmiet differenti li tgħaqqadhom xewqa waħda: jiġifieri li nkunu demokrazija Ewropea – ħajja, dinamika, kburija u li toħloq il-ġid. Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jiġi msejjaħ biex ikun it-tarka tas-sewwa, it-tarka ta’ kull min għandu rieda tajba, it-tarka tar-ruħ ta’ dal-pajjiż, it-tarka ta’ Malta u Għawdex. Aħna tal-Partit Nazzjonalista qegħdin hawn, lesti biex nilqgħu din is-sejħa.”
