Lokali

Ħamsa arrestati b’rabta ma’ importazzjoni u traffikar ta’ droga

Wara investigazzjonijiet u osservazzjonijiet u permezz ta’ ‘Intelligence-Led Policing’, is-Sibt, il-Pulizija kissret grupp ta’ kriminalità organizzata ta’ importazzjoni u traffikar
ta’ droga madwar l-Ewropa.

Bl-informazzjoni kollha miġbura, is-Sibt filgħodu, il-pulizija ċċirkondaw blokka ta’ appartamenti fi Triq Alfred Craig, Tal-Pietá.

Minn dawn l-appartamenti, il-pulizija arrestaw tlitt irġiel u mara, kollha mir-Rumanija, filwaqt
li elevat mal-10 kilogramma ħaxixa tal-kannabis, b’valur fis-suq ta’ madwar €150,000.

Intant, Rumen ieħor ġie arrestat minn lukanda fil-Gżira.

L-irġiel arrestati għandhom 36, 40 u 44 sena, u l-mara għanda 33 sena, rispettivament.

Huma qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana u mistennija jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta ta’ nofsinhar, quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia.