Lokali

“Il-preżenza tiegħek hi messaġġ li tħobb lilek innifsek u lil pajjiżek” – Bernard Grech

“Il-Partit Nazzjonalista joffrilek gvern serju u kredibbli li jaf fejn irid jieħu lill-poplu Malti u Għawdxi.”

Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt il-programm Analiżi fuq Net Television f’intervista minn Julian Borg.

Bernard Grech qal li kaġun ta’ deċiżjonijiet ħżiena li qed jieħu l-Gvern Laburista mhux qed ibatu biss il-membri Laburisti nvoluti iżda qed ibati l-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-Kap tal-PN fakkar kif pajjiżna għandu tmexxija ta’ Gvern li ma jaħsibx minn qabel għal x’jista’ jaffetwa lill-poplu iżda minflok jindirizza l-kriżijiet meta jkun tard wisq.

“Fejn tidħol l-għoli tal-ħajja, dan il-Gvern mhux se jieħodha bis-serjetà,” qal Bernard Grech. “Lanqas biss qed jieħu l-pariri tal-esperti.”

Fakkar kif fid-deal ta’ Vitals u Steward rajna ħafna wegħdiet li qatt ma twettqu – rinnovazzjoni tal-Isptar San Luqa u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, il-ftuħ tal-klinika f’Raħal Ġdid, klinika fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, sptar għas-saħħa mentali ġdid, dipartiment dedikat għall-ommijiet u wliedhom, u lista li ma tispiċċa qatt.

Bernard Grech qal li dan mhux biss hekk kif dan il-Gvern falla lil kull persuna f’kull settur – fis-settur tal-enerġija, fis-settur tal-edukazzjoni, is-settur tal-ambjent, l-investiment, il-ħolqien ta’ xogħol ta’ kwalità, it-traffiku, u f’għadd ta’ setturi oħra.

U dan kollu quddiem il-fatt li l-Gvern Laburista sempliċiment kabbar il-popolazzjoni bla ma ħaseb l-effetti li dan se jħalli fuq kull settur f’pajjiżna; xi ħaġa li tapprova n-nuqqas ta’ direzzjoni fit-tul li għandu dan il-Gvern.

B’Bernard Grech jgħid li l-Partit Nazzjonalista għandu pjan ta’ mudell ekonomiku ġdid biex mhux biss isolvi problemi li jaffaċja pajjiżna ta’ kuljum iżda saħansitra jaħdem ukoll fit-tul.

“Għandna pjan ta’ mudell ekonomiku. Aħna qed noffrulek Gvern serju u kredibbli li jaf fejn irid jieħu lill-poplu Malti u Għawdxi,” qal Bernard Grech.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo

Il-Kap tal-PN fakkar fil-protesta li se ssir iktar tard illum, propju fit-3 pm minn quddiem il-Parlament b’mixja sa quddiem il-Qorti, bl-importanza tagħha b’enfażi fuq il-fatt li l-poplu Malti u Għawdxi kollu jeħtieġ li jinżel fit-toroq u jwassal leħnu kontra dan il-Gvern li qed ifalli kontinwament.

“Kif għamilna fil-passat, illum għandek opportunità tad-deheb” qal Bernard Grech. “Int Malti bħali, hu x’inhu l-partit tiegħek, illejla waranofsinhar ejja, il-preżenza tiegħek hi messaġġ li tħobb lilek innifsek, kburi b’pajjiżek u ma tridx li jibqa’ jitmexxa b’dan il-mod, iżda trid il-bidla għax irridu li nbiddlu d-direzzjoni għas-serħan il-moħħ li għandek bżonn.”

U għalhekk, Bernard Grech fakkar dwar l-importanza li wieħed jattendi sabiex il-ħajja ta’ kull persuna titjieb minflok tibqa’ maħtufa minn dan il-Gvern Laburista.