Lokali Unjoni Ewropea

Jiddikjara l-oppost – il-media indipendenti tkompli tikxef l-inkonsistenza ta’ Robert Abela

"Mhux juża moħħu, u kulħadd jaf x'ras iebsa għandu"

Deskritta bħala l-istorja taż-żewġ ‘Abelas’. Fi Brussell jgħid mod, u f’Malta jiddikjara l-oppost. Iżda ma’ liema naħa qegħdin?

Huma dawn it-titli fil-ġurnali tal-Ħadd illi janalizzaw l-inkonsistenza tal-Prim Ministru fuq il-politika internazzjonali, b’rabta mal-pakkett finanzjarju li allokat l-UE għad-difiża u s-sigurtà. Bil-Prim Ministru l-ewwel għadda messaġġ biex jgħid li kien kontra dan l-investiment, imbgħad sa filgħaxija biddel id-diska u appoġġja dan il-pjan Ewropew. Tant illi kienet biss l-Ungerija li opponiet.

Is-sigurtà Ewropea kienet it-tema ċentrali tas-summit Ewropew ta’ din il-ġimgħa, u tlaqqa’ fl-isfond ta’ aktar attakki minn naħa tar-Russi fuq l-Ukrajna; kif ukoll fl-isfond tal-pożizzjonijiet li qed jieħu l-President Amerikan.

It-Times fl-editorjal tagħha tikxef kif huwa evidenti li Abela qed jilgħab il-logħba li jżomm sieq fuq kull naħa. U jinsisti li b’din il-logħba qed jipprova jiskorja punti politiċi b’mod fjakk.

Hawn, l-editur jinsisti li grazzi għal Robert Abela, pajjiżna se jispiċċa iżolat f’mument kritiku. U jistaqsi d-domanda: ma liema naħa verament qegħdin?

Il-MaltaToday minn naħa tagħha titkellem dwar dak li sejħet “kontradizzjonijiet” fl-istqarrijiet ta’ Abela. Dan meta wara bibien magħluqa għamel eżatt bil-maqlub ta’ dak li kien qal ftit tal-minuti qabel. Bil-gazzetta tgħid li fi Brussell, Abela jipprova jkun Prim Ministru, imbgħad f’Malta ikun il-Mexxej tal-Labour – partyman, issejjaħlu l-MaltaToday.

Intant, il-gazzetta Illum tkellmet ma’ numru ta’ Ministri illi kixfu kif Abela “mhux qed ikun meqjus fi kliemu, u qed jilgħab bid-diskors”.

Wieħed mill-membri li kwotat il-gazzetta stqarr li “dawn it-trikki trakki se jagħmluna irrelevanti”. Dan filwaqt li Ministru ieħor iddikjara mal-Illum li Abela mhux qed juża moħħu, u “kulħadd jaf x’ras iebsa għandu”.