Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Sigma Depiro jerbħu l-konfront deċisiv u jidħlu fil-play-offs

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Sigma Depiro………..69

Valletta Lions………..62

(12-12)(23-18)(13-15)(21-17)

Depiro rebħu l-konfront deċisiv kontra Valletta Lions biex se jkunu huma li se jieħdu l-aħħar post fil-play-offs u se jilgħabu kontra Hibernians fis-semi-finali. Għal din il-partita ddebutta l-Amerikan Julio Giuty li se jkun pedina oħra fit-triq tagħhom fil-play-offs. Valletta kienu mingħajr il-coach Harry Savaya li jidher li rritorna l-Libanu għall-kumplament tal-istaġun. Depiro bdew bil-punti ta’ Giuty u trippla ta’ Cameron Cornelius. Valletta kellhom risposta minn Eric Terry u trippla ta’ Nikola Vasovic u sa’ tmiem is-sessjoni ż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin għal parita ta’ 12-12. Valletta marru fuq quddiem fit-tieni taqsima wara trippla minn Francesco Mifsud Bonnici u l-punti ta’ Vasovic. Depiro wieġbu permezz ta’ David Bugeja u trippla ta’ Luca Stefanovic reġgħat poġġiethom fuq quddiem, Punti konsekuttivi minn Piotr Stelmach u Mifsud Bonnici raw lil Valletta jerġgħu jieħdu l-vantaġġ però run ta’ 7-1 minn Depiro permezz ta’ Bugeja u Cornelius rathom jidħlu minn fuq fl-intervall 35-30.

Fit-tielet perjodu, Valletta naqqsu d-distakk bi trippla oħra ta’ Vasovic però Depiro malajr irrispondew b’run ta’ 9-2 b’żewġ trippli ta’ Miguel Brincat u fetħu vantaġġ ta’ 9 punti 46-37. Valletta ma ċedewx u sforz qawwi minn Stelmach rahom inaqqsu d-distakk għal 3 punti fi tmiem il-perjodu 45-48. Depiro fetħu tajjeb fl-aħħar taqsima fejn kellhom il-punti minn Brandon Porter fosthom trippla għalkemm fuq in-naħa l-oħra Mifsud Bonnici wkoll għamel trippla għal Valletta. Bugeja kellhi punti deċisivi għal Depiro li rawhom jiftħu vantaġġ massimu ta’ 10 punti u minkejja trippla ta’ Stelmach, Valletta ma rnexxielhomx isalvaw il-partita biex Depiro ħarġu rebbieħa 69-62.

Sigma Depiro: S. Galea 2, D. Bugeja 13, N. Zivkovic, L. Stefanovic 3, A. Trapani, D. Tomasi, B. Porter 22, M. Brincat 7, C. Cornelius 11, J. Guity 7.

Valletta Lions: N. Grech 4, F. Mifsud Bonnici 11, N. Da Silva, P. Stelmach 21, S. Hamparsoumian 3, J. Camilleri, N. Vasovic 16, S. Vincic, E. Terry 7.

Referees: Bernard Vassallo, Miguel De Flavia, Fiorentina Ciurariu

Hibernians………………….89

Luxol Sherries Estates..77

(18-12)(19-25)(17-21)(35-19)

Hibernians temmew l-ewwel fażi b’rebħa fuq Luxol Sherries Estates 89-77. Huma kienu diġa aċċertati mill-ewwel post fejn issa jiltaqgħu kontra Depiro fis-semi-finali tal-play-offs. Il-partita ħadet żvolta favurhom fl-aħħar taqsima fejn huma rebħuha 36-19 fosthom b’run ta’ 18-0. Għal Hibs kienet l-ewwel partita mingħajr Derek Brown wara d-deċiżjonijiet tal-board tad-dixxiplina tal-MBA matul il-ġimgħa li għaddiet wara l-inċidenti fil-finali tan-Knock Out fejn ġie sospiż għal sena. Posthu ħadu l-Amerikan James Agyeman li però ma ħax sehem fil-partita. Luxol kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom. Hibs ħadu vantaġġ kmieni fil-partita grazzi għall-punti minn Tederick Wolfe, Matthew Gouder u Matthew Attard. Wara time-out, Luxol kellhom il-punti ta’ Caleb Mccrary għalkemm baqgħu jikkomettu turnovers u żbalji taħt il-board. Hibs komplew bi break ta’  8-2 però Luxol għamlu l-aħħar 5 punti għal skor ta’ 18-12. Luxol ħarġu aħjar fit-tieni perjodu meta bdew b’żewġ trippli minn Nathan Xuereb u għamlu l-iskor indaqs 18-18. Wara basket minn Luke Farrugia għal Hibs, Luxol komplew b’run ta’ 10-0 bi trippla ta’ Jean Paul Schembri. Hibs irkupraw minn dan il-mument negattiv u għaqqdu run ta’ 13- bi trippla ta’ Miguel Mallia u diversi punti minn Demcesen u Wolfe biex reġgħu marru fuq quddiem 33-32. Nikola Djakovic għamel trippla għal Luxol biex is-sessjoni ntemmet fuq parita ta’ 37-37.

Wara l-intervall, Luxol ħadu l-vantaġġ bi trippla ta’ Howard u punti minn Mccrary. Għal Hibs irrisponda Matthew Gouder b’żewġ trippli qabel ma Luxol għamlu seba’ punti oħra mingħajr risposta.  Hibs kellhom risposta minn Anton Axiaq però Hibs għalqu s-sessjoni b’basket ta’ Wolfe u trippla oħra ta’ Farrugia għal skor ta’ 54-58. L-aħħar sessjoni rat lil Luxol jiftħu vantaġġ ta’ seba’ punti wara trippla oħra ta’ Djakovic però hawn Hibs ħadu l-kontroll tal-partita. Huma għamlu run ta’ 18-0 b’diversi punti minn Wolfe, Demcesen u Matthew Attard. Luxol ippruvaw jerġgħu jirkupraw bi trippli minn Howard però Hibns komplew għaddejin bil-punti minn Demcesen u Wolfe biex finalment rebħu l-partita 89-77.

Hibs: N. Cassar 2, T. Wolfe 31, P. Attard, L. Farrugia 5, V. Kustodija, A. Axiaq 2, M. Gouder 15, M. Attard 9, T. Gjurovski, M. Mallia 5, I. Demcesen 20, S. Simic.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 31, A. Azzopardi 2, I. Azzopardi, V. Jandric, JP Schembri 3, N. Xuereb 8, N. Bukva 3, C. Jones Mccrary 22, M. Matijevic, S. Cappello 2, N. Djakovic 6.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Nestor Rincon, Miguel De Flavia

Tigers…………………….48

Starlites JSD…………..110

(25-2)(29-20)(32-17)(24-9)

Starlites JSD kisbu rebħa fuq Tigers u għalkemm jonqoshom partita waħda kontra Depiro, ikkonfermaw it-tieni post tal-klassifika. Għal Tigers din kienet l-aħħar dehra tagħhom dan l-istaġun u nota posittiva hi li minkejja d-diffikultajiet li kellhom qatt ma taw walk-over u f’xi waqtiet kellhom ukoll players li offre logħob tajjeb bħal Kendall Jordan u Albert Varcallo. Starlites kienu mmexxija minn Omar Said hekk kif Paul Ferrante beda jiskontza s-sospensjoni tiegħhu sal-aħħar ta’ Marzu.Said ħalla lil żewġ Amerikani Ben Curran u Trevon Reddish fuq il-bank fil-waqt li ta ħafna spazju lil players żagħżagħ. L-andament tal-partita wera d-dominju ta’ Starlites sa mill-ewwel sessjoni li rebħuha 25-2 fejn kien hemm bidu mill-aqwa ta’ Miguel Fabri li għamel l-ewwel 11 -il punt tal-partita. Warajh kompla Chris Paul  fil-waqt li Keith Micaller għamel l-uniku basket ta’ Tigers. Starlites kellhom aktar punti din id-darba minn Kai Fabri għal skor ta’ 25-2. It-tieni taqsima fetħet bl-istess ritmu fejn il-punti ta’ Starlites komplew ġejjin b’mod regolari fosthom trippli minn Ian Felice Pace u Luca Riolo. Lejn tmiem it-taqsima però Tigers irnexxielhom jagħmlu run ta’ 13-2 b’Ferdinand Lisondra protagist biex Starlites kienu 54-22 minn fuq fi tmiem is-sessjoni.

Fil-bidu tat-tielet perjodu kien hemm punti fuq kull naħa fosthom trippli minn Andrew Aquilina u Lisondra. Starlites komplew bi break ta’ 17-2 b’aktar trippli mill-aħwa Fabri għal skor ta’ 85-39. L-aħħar taqsima kienet mill-ġdid f’idejn Starlites partikolarment lejn it-tmiem fejn għamlu 15 -il punt mingħajr risposta u għaqqdu l-mitt punti bi trippla ta’ Aquilina għal skor finali ta’ 110-48.

Starlites JSD: B. Curran, A. Aquilina 14, K. Fabri 16, I. Felice Pace 7, M. Fabri 30, L. Riolo 13, M. Scerri 2, C. Paul 17, K. Xuereb, N. Sultana 5, A. Sultana 6, T. Reddish.

Tigers: D. Pisani 2, M. Farrugia 4, A. Attard 2, K. Micaller 17, D. Constantino 2, F. Lisondra 17, M. Baldacchino, D. Militello 4.

Referees: Bernard Vassallo, Nestor Rincon, Wendell Lim