Sport Sport Ieħor

Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker: Jake Castaldi jikkwalifika mal-aħħar 32

Il-kontinġent kollu taż-żgħażagħ Matin flimkien mal-coach Ivan Attard

Il-Ħadd, ingħata bidu għal Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker li qed isiru f’Antalya, t-Turkija fejn bdew l-avventura tagħhom il-kategorija ta’ taħt is-16-il sena u b’hekk tlieta mis-sitt plejers Maltin li ser jieħdu sehem matul din l-edizzjoni kienu fl-azzjoni.

Jake Castaldi, Caiden Casha u Gregory Cachia huma ż-żgħażagħ Maltin li ħadu sehem f’din il-kategorija li għalija kien hemm irreġistrati 72 plejer. Dawn ġew maqsuma fi gruppi ta’ erba’ u l-ewwel tnejn ikkwalifikaw għat-tieni fażi. B’hekk kull plejer kellu jilgħab tliet logħbiet u ġew magħrufa s-36 plejer li kkwalifikaw għat-tieni fażi.

Miż-żgħażagħ Maltin kien Jake Castaldi li avvanza għal fażi li jmiss wara li rebaħ żewġ logħbiet minn tlieta. Huwa rebaħ kontra l-Irlandiż Scott Cooke u Rapolas Juodis tal-Litwanja, it-tnejn bl-iskor ta’ 2-0, iżda tilef it-tieni logħba bl-istess skor kontra l-Ingliż Adam Abbas.

Meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni tal-livell waqt dan il-kampjonat internazzjonali l-prestazzjonijiet ta’ Caiden Casha u Gregory Cachia kienu xorta kienu sodisfaċenti fejn it-tnejn rebħu logħba mit-tlieta li lagħbu. Inċidentalment it-tnejn rebħu t-tielet u l-aħħar konfront tagħhom tal-ġurnata.

Caiden Casha tilef kontra l-Pollakk, Wojciech Sowiński u Tadija Matijasevic tas-Serbja, it-tnejn bl-iskor ta’ 2-0, filwaqt li rebaħ bil-punteġġ ta’ 2-1 kontra Reuben Gingell ta’ Wales fejn irnexxielu jirkupra sew wara li tilef l-ewwel frame.

L-iżgħar kontestant Malti, Gregory Cachia li għandu 12-il sena tilef 2-0, kemm kontra l-Pollakk, Witold Bystrzycki kif ukoll kontra Matvei Lagodzinschii tal-Ukraina pero’ aktar tard rebaħ Matvei Timofeev tal-Latvja bl-skor ta’ 2-0.

Fit-tieni jum ta’ dan Kampjonat Ewropew tal-Juniors jerġgħu jkunu fl-azzjoni dawk biss li ikkwalifikaw minn din il-kompetizzjoni. L-ewwel iridu jintlagħbu erba’ logħbiet preliminari bħala kwalifikazzjoni biex jingħaqdu mal-kumplament għar-rawnd tal-aħħar 32. L-aħħar logħbiet tal-ġurnata fit-tieni jum għandhom ikunu l-kwarti finali filwaqt li s-semi finali u l-finali ta’ din il-kategorija jintlagħbu t-Tlieta.

Jake Castaldi kkwalifika dirett mal-aħħar 32 u l-avversarju tiegħu f’din il-fażi issa ser ikun il-Pollakk, Witold Bystrzycki li rebaħ il-Grupp fejn kien hemm Gregory Cachia. Din il-fażi tintlagħlab fuq l-aħjar minn ħames frames u l-logħba ħin ta’ Malta mistennija tibda fit-8 am.

Jake Castaldi qabel il-konfront li minnhu kkwalifika kontra Rapolas Juodis tal-Litwanja