Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Qed tipproduċi sottomarin bil-kapaċità għall-missili nukleari… u b’theddida diretta għall-Istati Uniti

L-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel qed janalizzaw kull informazzjoni dwar sottomarin ġdid tal-Korea ta’ Fuq komunista…Sottomarin bil-kapaċità li jġorr għaxar missili nukleari u li ‘bla dubju’ għandu jkun ta’ theddida futura għall-Amerikani kif ukoll għall-poplu man-naħa opposta tal-penisola Koreana.

L-esperti qalu li l-missili ‘jistgħu jolqtu lill-Istati Uniti’ f’sitwazzjoni ta’ gwerra – bis-sistema (tas-sottomarin) għall-ġarr tal-armi nukleari għadha fi stadju ta’ kostruzzjoni.

It-theddida għas-sigurtà fir-reġjun kibret wara li l-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, fi tmiem il-ġimgħa, żar tarzna li tintuża esklussivament għall-iżvilupp tal-bastimenti tal-gwerra.

Dan meta l-esperti fil-Korea t’Isfel ikkonfermaw li s-sottomarin se jkun qed iġorr il-missili ‘bi gwida strateġika’ u li fih innifsu jikkonferma l-kapaċità għall-funzjoni effettiva tal-armamenti nukleari.