Sitt żgħażagħ llum ħallew Malta għal Antalya fit-Turkija biex jieħdu sehem fil-Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker li ser jibda għada. Bħal edizzjonijiet preċedenti ser ikun hemm tlett kategoriji, dawk ta’ taħt is-16-il sena, taħt it-18-il sena u taħt il-21 sena. Din is-sena l-Malta Billiards & Snooker Association ser ikun irrappreżentat f’kull kategorija.
Erba’ miż-żgħażagħ Maltin li ser jieħdu sehem huma r-rebbieħa tal-kampjonati lokali tal-Juniors li kienu saru lejn tmiem is-sajf li għadda. Matthias Debono kien rebaħ il-kategorija ta’ taħt -il 21 sena filwaqt li l-aħwa, Chaylon u Jake Castaldi kienu rebħu il-finali ta’ taħt it-18-il sena u ta’ taħt is-16-il sena rispettivament. F’Malta ssir kompetizzjoni għal taħt it-12-il sena u r-rebbieħ tagħha, Gregory Cachia, ser ikun ukoll fost dawk li ser jirrappreżentaw lil Malta fit-Turkija. Flimkien ma dawn l-erba’, ż-żewġ żgħażagħ l-oħra Maltin ser ikunu Xavier Rizzo u Caiden Casha.
Il-livell matul dan Kampjonat Ewropew tal-Juniors organizzat mill-European Billiards & Snooker Association, l-EBSA, mistenni jkun wieħed ferm għoli u fost l-partiċipanti hemm żgħażagħ li matul kompetizzjonijiet diġà kisbu breaks ta’ 140 punt u aktar. B’kollox mifruxa fuq it-tliet kategoriji ser jieħdu sehem 149 plejer li ser ikunu ġejjin minn 29 pajjiż Ewropew differenti.
Numru ta’ żgħażagħ inkluż dawk Maltin ser jieħdu sehem f’aktar minn kategorija waħda. Minn dawn 21 ser jieħdu sehem fit-tliet kategoriji fosthom iż-żewġ żgħażagħ Maltin, Caiden Casha u Jake Castaldi, li ser jipparteċipaw f’kull kompetizzjoni tal-Juniors matul din l-ediżżjoni.
Tliet żgħażagħ Maltin ser ikunu qed jipparteċipaw f’żewġ kategoriji. Chaylon Castaldi u Xavier Rizzo ser jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet ta’ taħt it-18-il sena u taħt il-21 sena filwaqt li Gregory Cachia li għandu 12-il sena u ser ikun l-iżgħar rappreżentant Malti ser jikkompeti fil-kategoriji ta’ taħt is-16-il sena u taħt it-18-il sena. Matthias Debono, li għandu 20 sena, minħabba l-eta’ huwa kostrett li jieħu sehem f’kategorija waħda biss, dik ta’ taħt il-21 sena.
Ħafna miż-żgħażagħ Maltin jinsabu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom filwaqt li l-kontinġent Malti huwa immexxi mill-head coach tal-Malta Billiards & Snooker Association, Ivan Attard.
//= $special ?>