Iz-zona madwar il-White House, f’Washington, għaddiet minn sigħat ta’ tensjoni wara li l-membri tas-servizzi sigrieti Amerikani sparaw għal raġel u ferewh waqt konfrontazzjoni fl-inħawi.
Dan fost rapporti li l-ferut, li kellu tendenzi ‘suwiċidali’ ikkonfronta lill-aġenti wara li hu kien ivvjaġġa bil-karozza mill-Istat ta’ Indiana lejn Washington.
Ir-raġel, wara l-konfront, ittieħed l-isptar biex jingħata trattament għall-ġrieħi li ġarrab. Intant, ma hemm l-ebda indikazzjoni li hu kellu l-ħsieb speċifiku biex jattakka ‘lil xi persuni’ fil-White House — bl-investigazzjonijiet mistennija jkomplu fuq numru ta’ ġranet.
Qabel il-konfrontazzjoni, fis-sigħat bikrin tal-Ħadd, l-aġenti tas-servizzi sigrieti kienu identifikaw il-karozza tar-raġel qabel lemħuh miexi waħdu fl-inħawi tal-White House.
Skont l-informazzjoni provduta lill-media,ir-raġel ħareġ arma tan-nar malli nduna li kienu qed javviċinawh l-aġenti u fejn fil-pront seħħet konfrontazzjoni – bl-aġenti jisparaw diversi tiri ‘biex jikkontrollaw sitwazzjoni li setgħet teskala malajr’.
Għalissa mhix magħrufa l-kundizzjoni tar-raġel, bl-awtoritajiet f’Washington jikkonfermaw li ma ndarab ħadd minn fost l-aġenti tas-servizzi sigrieti fiz-zona tal-White House.
L-inċident, sadanittant, qed ikun investigat mill-uffiċjali mat-taqsima interna tad-Dipartiment tal-Pulizija Metropolitana …Taqsima li tindaga dwar kull inċident li jinvolvi l-armi tan-nar fid-Distrett ta’ Colombia.
Il-konfront barra l-White House seħħ ukoll wara li Task Force tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti kien sejjaħ biex is-servizzi sigrieti jnaqqsu l-ammont tan-nies taħt il-protezzjoni tagħhom filwaqt li ‘jirrevedu’ r-rwol tagħhom wara numru ta’ fallimenti.
L-istess Task Force kien involut fl-investigazzjoni dwar l-attentat tas-sajf, f’Pennsylvania, fuq il-ħajja tal-President Amerikan, Donald Trump.
//= $special ?>