“L-abbuż mid-droga kokaina qed jiżdied ma’ Malta kollha”
Jeħtieġ azzjoni urġenti sabiex dan il-pajjiż jissielet fil-konfront tal-abbuż ta’ droga. Dan saħqitu l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti Maltin (MHRA) wara li kien irrapportat fuq il-ġurnal Times of Malta l-abbuż rampanti ta’ droga kokaina fl-istabbilimenti tad-divertiment fil-Belt Valletta.
L-MHRA insistiet li hawn bżonn urġenti ta’ diskussjoni nazzjonali hekk kif spjegat li huwa evidenti li l-abbuż qed jiżdied mal-pajjiż kollu u mhux fil-belt kapitali biss. Dan filwaqt li spjegat li din hija sfida li teħtieġ imġiba ta’ tolleranza zero hekk kif id-droga mhux biss twettaq ħsara mhux biss fuq l-individwi li jagħmlu konsum tagħha, iżda l-familji u l-ekonomija tal-pajjiż.
Filwaqt li l-MHRA spjegat li tirrikonoxxi l-ħidma li qed issir mill-awtoritajiet biex din l-isfida tissolva, hija insistiet li ma taħsibx li l-Belt hija mekka ta’ droga. Minflok temmen li l-problema mhux il-belt iżda l-pajjiż b’mod sħiħ biż-żieda ta’ preżenza ta’ teħid ta’ droga f’attivitajiet soċjali differenti u varji.
Għaldaqstant, l-MHRA appellat lill-partiti politiċi biex isibu forma ta’ qbil kontra dan l-abbuż ta’ droga hekk kif insistiet li din hija materja nazzjonali, tema li teħtieġ l-għaqda – hekk kif fi kliem l-MHRA stess, Malta ma tistax tħalli din is-sitwazzjoni teskala aktar.