Lokali

Erba’ snin tard: Robert Abela jikkunsidra miżura tal-Partit Nazzjonalista dwar leave għal ġenituri li jitilfu wild

Robert Abela lbieraħ ħabbar li qed jikkunsidra miżura li ppropona l-Partit Nazzjonalista erba’ snin ilu biex ġenituri li jitilfu wild jingħataw leave speċjali.

Fl-2021 il-Partit Nazzjonalista ħabbar miżuri għall-ġenituri li jimplimenta meta jkun fil-gvern u fost dawn ħabbar leave ta’ luttu għall-ġenituri li jitilfu wild, inkluż f’każ ta’ miscarriage.

Il-proposta tal-PN kienet ċara: Dan il-leave jibbenefikaw minnu ġenituri li jkunu tilfu wild – sew jekk ikun wild ta’ bejn it-twelid u t-18-il sena, kif ukoll jekk wild fil-ġuf.

Il-Partit Nazzjonalista għandu numru ta’ miżuri favur il-familji li lest jimplimentahom meta jkun fil-gvern, għax jemmen li soċjetà b’saħħitha hi soċjetà li l-ewwel u qabel kollox issostni lill-bniedem fl-għeruq tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista huwa sodisfatt li Robert Abela qed jagħraf li l-miżuri li qed tipproponi l-Oppożizzjoni huma tajbin. Issa wieħed jittama li l-Gvern ma jaħlix aktar ħin u mill-kliem jgħaddi minnufih għall-azzjoni sabiex tittaffa ftit mit-tbatija ta’ bosta ġenituri.