Gvern Laburista jrid li n-nies jemmnuh meta jgħid li jimpurtah mill-ambjent, imma l-fatti juru mod ieħor. Bil-kliem jagħmel ħafna diskorsi sbieħ, imma bil-fatti jġib ruħu b’mod li jippermetti aktar abbuż u jħalli lill-ambjent mingħajr protezzjoni. L-aħħar emendi li qed jipproponi huma xhieda oħra ta’ dan: minflok isaħħu l-protezzjoni tal-ambjent, qed jagħmlu l-oppost, billi jiftħu l-bieb għal aktar żvilupp bla kontroll.
Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Stanley Zammit u Rebekah Borg qalu li l-Partit Nazzjonalista dejjem wera bil-proposti u l-inizjattivi tiegħu li jrid ambjent aħjar għal kulħadd. Għalhekk, ressaqna s-sottomissjoni tagħna bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika biex nesprimu t-tħassib tagħna dwar dan l-attentat tal-Gvern li jaħbi l-verità u jnaqqas it-trasparenza fil-proċessi tal-ippjanar. L-ambjent hu ta’ kulħadd, u rridu nkunu ċerti li jkun protett kif jixraq.
L-Avviż Legali kif propost jippermetti lill-aġenziji tal-gvern, fost l-oħrajn, jużaw mekkaniżmu inqas trasparenti minn permess tal-ippjanar komplut, biex jiżviluppaw zoni ODZ u siti oħra, b’inqas skrutinju fuq il-proġetti. Dan ifisser li ċ-ċittadini u l-għaqdiet ambjentali, fost oħrajn, ma jistgħux jinvolvu ruħhom b’mod attiv biex jiġġieldu kontra żviluppi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent, peress li l-proċedura tad-DNO (Development Notification Order) ma tippermettix oġġezzjonijiet jew appelli minn terzi persuni.
Barra minn hekk, din l-emenda tneħħi s-salvagwardji pprovduti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Rural Policy & Design Guidance tal-2014 u pjanijiet jew policies rilevanti oħra. Dan ifisser li r-restrizzjonijiet u l-limitazzjonijiet fuq l-iżvilupp jistgħu jiġu evitati taħt il-kappa ta’ “proġetti ta’ tħaddir.”
Inkwetanti wkoll li dawn l-emendi jagħtu lil Project Green awtorizzazzjoni bla kontroll biex twettaq żviluppi mingħajr ebda forma ta’ sorveljanza jew kontabbiltà. Dan ikompli jafferma kemm fil-fatt Project Green isservi bħala paraventu għall-propaganda tal-Gvern dwar l-ambjent, mentri fir-realtà l-ħidma ambjentali li twettaq hija minima. Project Green – aġenzija mwaqqfa biex tagħmel xogħol ambjentali – qed tagħmel proprju l-oppost għaliex qed tipprova tevadi l-mekkaniżmi immirati li jiżguraw responsabbiltà ambjentali.
Bħala Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista ressaq is-sottomissjonijiet tiegħu bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar dan l-Avviż Legali, għax nemmnu li l-Gvern ma għandux ikun eżentat mill-istandards ta’ livell għoli li hu stess jimponi fuq il-privat.
Is-sistema tal-ippjanar u l-effetti li din ikollha fuq l-ambjent ta’ madwarna huma kwistjonijiet li jolqtu lil kulħadd bl-istess mod, tkun xi tkun l-entità li qed twettaq il-proġett.
Għalhekk, jekk il-Gvern tassew jemmen fi żvilupp sostenibbli, għandu jkun hu l-ewwel li jħaddan l-ogħla standards, minflok ifittex mezzi kif jista’ jimmanipula l-mekkaniżmi tal-ippjanar għall-konvenjenza tiegħu.
//= $special ?>