Sport

Gżira United jibqgħu fl-ewwel post wara rebħa diffiċli

Gżira United baqgħu fl-ewwel post tal-klasifika tal-VMFA Cisk Premier League wara li għelbu lil Birkirkara St Helen’s 5-2. Fl-istess waqt, ir-rivali tagħhom Floriana wkoll baqgħu jsegwuhom hekk kif ixxalaw kontra MFPA.

Gżira United – Birkirkara St Helen’s 5-2

Gżira United ma sabuhiex faċli sabiex għelbu l-isfida denja ta’ Birkirkara St Helen’s li rebħulhom 5-2.

Minkejja li l-Maroons marru minn fuq, il-Karkariżi wettqu reazzjoni u f’ħin minnhom kienu 2-1 minn fuq, Minkejja kollox, il-Gżirjani kienu determinati li jieħdu t-tliet punti u dawru l-iskor favurihom.

Ian Zammit kien strumentali għal Gżira hekk kif skorja doppjetta filwaqt li Sebastian Nayar, Kevin Sammut u Daniel Mariano Bueno żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Ayrton Buhagiar u Federico Marine kienu l-awturi tal-gowls għal Birkirkara.

Floriana – MFPA 10-2

Floriana ħasdu liċ-champions MFPA tant li rebħulhom 10-2. Kienet partita ddominata mill-Greens li riedu jkomplu jsegwu lil-leaders Gżira u għalhekk kien jeħtieġ li jirbħu din il-logħba.

Christian Cassar kien ta’ ispirazzjoni għar-rebbieħa meta skorja ħames gowls filwaqt li Manolito Micallef kien awtur ta’ doppjetta. Gilbert Scerri, Emerson Amaira u Trevor Cilia aċċertaw ruħhom mit-tliet punti għal Floriana.

Mark Barbara u Stephen Wellman skorjaw il-gowls ta’ konsolazzjoni għal MFPA.

Rabat Veterans – Zurrieq Wolves 8-1

Rabat Veterans kisbu rebħa kbira ta’ 8-1 kontra Zurrieq Wolves sabiex kisbu s-sitt rebħa staġjonali.

Andre Scicluna spikka għar-Rabtin meta sab ix-xibka erba’ darbiet b’Adam Smeir li skorja tliet gowls. Ibrahim Tarek issiġġilla r-rebħa għat-tim rebbieħ.

L-uniku gowl ta’ Zurrieq ġie skorjat minn Christian Bezzina.

KLASSIFIKA – VMFA Cisk Premier League

Gżira United Veterans 37; Floriana 36; Birkirkara St Helen’s 24; MFPA 26; Rabat 20; Żurrieq Wolves 12; Hibernians 6; Żejtun Red Stars 0.