Lokali

Il-Belt Kapitali ta’ pajjiżna deskritta bħala “mekka tad-droga”

Mekka tad-droga.

Hekk ġiet deskritta l-Belt Kapitali ta’ pajjiżna, wara investigazzjoni li saret mit-Times of Malta, li sabet li l-belt kapitali ta’ pajjiżna hija mimlija b’persuni li jabbużaw mill-kokaina b’mod apert.

Minn persuni jagħmlu użu minn kokaina fuq fridge freezer quddiem kju nies; sa gruppi ta’ persuni deħlin f’toilet wieħed flimkien.

L-investigazzjoni sabet diversi persuni jabbużaw mid-droga b’mod apert. B’waħda mis-sitwazzjonijiet tiddeskrivi żewġ żgħażagħ li quddiem kju twil ta’ nies jistennew sabiex imorru t-toilet, għamlu użu mid-droga fuq fridge freezer – ‘il bogħod mis-CCTV cameras.

Dan apparti li kien hemm ukoll ħafna nies oħrajn jitkellmu dwar l-użu tal-kokaina – ukoll b’mod apert.

Intant, it-Times of Malta tkellmet ma’ dealer ta’ din id-droga… li ddeskriva l-Belt Valletta bħala mekka tad-droga, hekk kif il-bejgħ tal-kokaina żied b’mod sostanzjali f’dawn l-aħħar snin.

B’dan is-sors partikolari jispjega li l-abbuż tad-droga ma għandux ġurnata fil-ġimgħa, iżda huwa matul il-ġimgħa sħiħa – bid-differenza li dawk li jagħmlu aktar flus, jixtru aktar droga.

Numru ta’ studji wrew li l-abbuż tad-droga kokaina żdied fl-aħħar snin, bir-residenti tal-Belt Valletta jgħidu wkoll li saħanistra jaraw persuni jagħmlu użu mill-kokaina fil-miftuħ fit-toroq tal-Belt kapitali.

Rapport tal-laboratorju forensiku jelenka t-tħassib serju dwar il-purità tal-kokaina u anke dwar il-fatt li bosta persuni li mietu… instab li kellhom il-kokaina fis-sistema tagħhom.

U minkejja din l-evidenza, li nġabret minn rapporti nazzjonali, Ewropej u anke issa, mill-ġurnalisti – id-delegat speċjali tal-Partit Laburista Jason Micallef ħareġ jattakka lit-Times, fejn ittimbrahom bħala “ġurnalisti tal-ħabba gozz” – sempliċiment għaliex żvelaw is-sitwazzjoni inkwetanti fil-Belt Valletta… anke permezz ta’ ritratti.

Dan l-attakk fuq it-Times mid-delegat speċjali tal-Labour, ma jbiddel xejn mill-evidenza li turi kif bejn is-sena tal-2017 u l-2022, żdiedu l-emerġenzi relatati mal-kokaina fl-Isptar Mater Dei b’mod sostanzjali; bl-akar żieda tkun dik bejn l-2021 u l-2022 fejn il-każijiet żdiedu kważi bin-nofs.