Internazzjonali

Il-Ġermanja: Inkonvenjent ‘nazzjonali’ fost l-azzjonijiet industrijali u l-għeluq tal-ajruporti

L-aħħar sigħat kienu ferm kaotiċi għall-poplu Ġermaniż wara li tħassru mijiet tat-titjiriet madwar il-pajjiż b’kaġun ta’ azzjoni industrijali mmexxija mill-ħaddiema tal-ajruporti.

Is-sitwazzjoni qed toħloq inkonvenjent kbir għal kulmin kellu jaqbad ajruplan ‘il barra mll-Ġermanja u meta din l-azzjoni – li bdiet għall-għarrieda nhar il-Ħadd fl-ajruport ta’ Hamburg – kibret għal-livell ta’ ‘strajk nazzjonali’.

L-azzjoni, immexxija minn Verdi (wieħed mill-akbar trade unions fil-Ġermanja) qed issir dwar is-salarji tal-ħaddiema mal-ajruporti u meta l-iskedi f’dawn it-terminals, sal-bieraħ, baqgħu ‘fi stat ta’ paraliżi’.

Il-passiġġieri qed ikunu mwissija biex ma jivvjaġġawx lejn l-ajruporti ta’ Frankfurt, Munich u Berlin, bl-azzjoni anki tħarbat l-operat fil-hubs tat-trasport oħrajn madwar il-pajjiż. Il-kellema fl-ajruport ta’ Frankfurt – li hu l-aktar terminal attiv fil-Ġermanja – ikkonfermaw li se jkun ‘impossibbli’ biex il-passiġġieri jaqbdu t-titjiriet waqt l-azzjoni li anki affettwat il-proċess għall-kiri tal-karozzi mit-terminal.

Mistenni wkoll li, f’dawn il-jiem, il-Verdi – li jirrappreżenta lill-ħaddiema tat-trasport u oħrajn fis-settur pubbliku – ikompli bl-azzjonijiet bħala parti mill-kwistjoni dwar is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.