Filwaqt li l-Gvern Laburista ma jitlifx okkażjoni waħda biex jipprova jgħajjar lill-Partit Nazzjonalista li hu “negattiv” u “bla ideat”, il-verità turi li hu l-Gvern Laburista li jħobb jiftaħar b’rix ħaddieħor u li mal-ewwel ċans jikkopja u jisraq l-ideat tal-Partit Nazzjonalista
Hekk saħaq il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ppublikata mix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo u Toni Bezzina, Shadow Minister ghall-Agrikoltura u Sajd
Fil-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali ta’ sentejn ilu, il-Partit Nazzjonalista ħoloq diskussjoni dwar il-faqar u l-ħela tal-ikel. Din wasslet biex f’Mejju ta’ wara, il-Partit Nazzjonalista ressaq Private Members Bill quddiem il-Parlament dwar dan is-suġġett u l-ħtieġa li jkun hemm inqas ħela ta’ ikel, kif ukoll li ikel żejjed imur għand persuni jew familji fil-bżonn.
Wara li l-Gvern Laburista, għal sentejn sħaħ, ma tellax dan il-Private Members Bill fil-Kamra tar-Rappreżentanti għad-diskussjoni, u minkejja d-diversi tentattivi b’diskorsi minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista, fosthom dak tal-Kap Bernard Grech wara l-preżentazzjoni tal-Budget 2025, issa Robert Abela kkopja u seraq din il-proposta u dalgħodu nieda din l-inizjattiva daqslikieku hi tiegħu.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ din l-inizjattiva, Robert Abela kkonferma kemm il-Gvern li jmexxi – minflok ħa l-okkażjoni li jwassal messaġġ li f’okkażjonijiet bħal dawn iż-żewġ naħat tal-Kamra jaħdmu flimkien – reġa’ kien diviżiv billi injora l-proposti tal-Partit Nazzjonalista. Iżda mbagħad, jipprova jagħmel l-istess proposti pożittivi daqslikieku tiegħu wara li, b’mod egoist, ċaħħad lil diversi persuni fil-bżonn milli jibbenefikaw minn din il-proposta għal sentejn sħaħ.
Din mhijiex l-ewwel darba li proposti jew skemi – bħal skemi tal-vouchers matul il-pandemija, l-iskema Kiri mill-Housing u trasport b’xejn għat-tfal tal-iskola – li saru mill-Partit Nazzjonalista, ġew imwarrba u kkritikati biex imbagħad kienu mnedija mill-Gvern stess xhur jew snin wara.
Dan hu wkoll it-tieni episodju f’anqas minn 24 siegħa fejn il-Gvern ta’ Robert Abela qabad il-proposti tal-Partit Nazzjonalista u kkuppjahom, taparsi kienu xi idea tiegħu. Ilbieraħ, Robert Abela ħabbar li qed jikkunsidra li jagħti leave lil ġenituri li jkunu tilfu wild fit-tqala – miżura li l-Partit Nazzjonalista ilu li ħabbar erba’ snin u li testendi għal ġenituri li jkunu tilfu wlied taħt it-18-il sena.
Il-veru każ ta’, kif jgħid il-Malti, li min imaqdar irid jixtri.
//= $special ?>