Lokali Qorti

IL-ĠURI TAN-NEMES: 20 sena ħabs kull wieħed għal missier u ibnu…mistennija jappellaw is-sentenza

Kurt Grech, ta’ 31 sena, magħruf bħala in-Nemes, u missieru Joseph Grech ta’ 61, it-tnejn minn Tal-Pietà, ġew ikkundannati 20 sena ħabs kull wieħed għal qtil ta’ Brandon Pace fil-Ħamrun. L-avukati tad-difiża talbu l-minimu ta’ 12-il sena ħabs qabel ma ngħatat is-sentenza. Net News huwa nfurmat li se jkunu qed jappellaw mill-piena mogħtija fis-sentenza.

Dan minħabba l-fatt li r-riżultat minn naħa tal-ġurati kien dak ta’ 6-3 fejn qalu l-ġurati kienu bgħatu messaġġ. Il-piena minima f’każ ta’ qtil hija dik ta’ 12-il sena, bil-piena massima tkun dik ta’ għomor il-ħabs. Il-Qorti mponiet ukoll ħlas ta’ kważi 36,000 ewro fi spejjeż tal-Qorti.

Il-prosekuzzjoni qablet li għandu jingħata messaġġ iżda qabel is-sentenza qalet li wieħed ma jridx jinsa’ li ntilfet ħajja ta’ żagħżugħ ta’ 21 sena, Ingħad ukoll li Joseph Grech messu żamm lil ibnu milli jwettaq l-att, xi ħaġa li m’għamilx.

Kurt Grech u missieru Joseph għaddew ġuri quddiem ll-Imħallef Consuelo Scerri Herrera wara li bħal lum ġimgħa nstabu ħatja minn ġurija għall-qtil ta’ Brandon Pace magħruf bħala l-Gallali, fl-2017. Pace miet fl-età ta’ 21 sena meta ngħata diversi daqqiet ta’ sikkina fid-daħla tal-appartament tiegħu fi Triq Giovanni Barbara, il-Ħamrun, fil-jum tal-Ħadd tat-2 ta’ April ta’ tmien snin ilu.

Kurt Grech u missieru Joseph Grech ta’ 61, it-tnejn minn Tal-Pietà, ġew iġġudikati minn ġurija nhar it-Tnejn, 3 ta’ Marzu, wara kważi tmien sigħat ta’ deliberazzjoni. Sitt ġurati ħarġu b’verdett ta’ ħtija, filwaqt li tlieta oħra ddikjaraw lill-akkużati mhux ħatja.

Huma kienu qed jiġu akkużati b’omiċidju volontarju, pussess illegali ta’ skieken, ksur tal-paċi pubblika u ordni pubblika  u thedded fil-konfront ta’ omm il-vittma Lisa Pace u s-sieħba tal-vittma Jessica Bilocca. Kurt Grech kien akkużat ukoll li weġġa’ gravi lil Bilocca permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina filwaqt li missieru kien mixli wkoll li hedded lil oħt il-vittma, Donna Pace, b’sikkina waqt il-ġlieda.

Il-ġurija ħarġet b’verdett unanimu ta’  ħtija għall-pussess illegali ta’ skieken.  Verdett ukoll unanimu ta’ ħtija għal Kurt Grech kien dak talli kiser il-paċi pubblika. Kurt Grech instab ħati wkoll unanimament  hedded lil Lisa Pace u Jessica Bilocca, filwaqt li missieru nstab ħati tal-istess reat b’sitt voti kontra tlieta.

Verdett unanimu ta’ ħtija wkoll għal Kurt Grech fuq akkuża li weġġa’ ħafif lil Bilocca. Joseph Grech ma nstabx ħati li hedded lil Donna Pace, oħt il-vittma. Iż-żewġ skieken ta’ 19-il ċentimetru l-wieħed li ntużaw waqt il-qtil instabu fi sprall mhux bogħod fid-dar tal-akkużati. Dawn instabu mċappsa bid-demm.

L-akkużati kien ilhom involuti f’argumenti ma’ Pace, li eventwalment spiċċat fi vjolenza wara argument dwar it-trattament ta’ iben Kurt Grech. Omm it-tifel, l-eks sieħba ta’ Grech  kienet daħlet f’relazzjoni ma’ Pace.

Grech qal lill-Pulizija li Pace kien qed jittratta ħażin lil ibnu. Waqt il-kumpilazzjoni tal-provi fl-2017, oħt il-vittma Donna  Pace qalet li kienet għaddejja minn fejn ir-residenza ta’ ħuha dakinhar tal-qtil meta rat lilu u lil ommu involuti f’argument mal-akkużati u l-familja tagħhom.

Qalet li ż-żewġ familji kienu qed jiskambjaw l-insulti, bil-madum ukoll mitfugħ mill-gallarija tar-residenza tal-familja tagħha. Kurt Grech mar idur id-dar ta’ Pace, u l-ġenituri tiegħu waslu ftit wara, b’Pace joħroġ mill-appartament tiegħu żaqqu barra biex jiffaċċja l-aggressuri tiegħu.

Il-ġlieda kienet tinvolvi lil Pace, Kurt Grech, il-ġenituri tiegħu u Bilocca. Kemm Kurt Grech kif ukoll Pace kellhom is-skieken. Ix-xhieda qalu li raw lil Pace jaqa’ mal-art u Kurt Grech qabeż fuqu. Waqt il-ġuri, omm Pace fakkret kif rat lil Joseph Grech jgħajjat u jagħti bis-sikkina ​​lil binha f’dahru u hi bdiet tgħajjat, “qatluh, qatluh”. Qalet li Joseph Grech kien wieġeb, “Ħallih imut”.

Il-ġurija semgħet li Kurt Pace kien qal lill-Pulizija li kien ta sikkina lil Pace iżda saħaq li kien il-vittma li tah l-ewwel sikkina f’sidru. Waqt il-kontroeżami, Donna Pace ammettiet li kienet marret fejn il-karozza tagħha bil-ħsieb li ssuq fuq l-aggressuri ta’ ħuha, iżda li dawn kienu diġà ħarbu minn fuq il-post.

Id-difiża saħqet li Kurt Grech kien ħa miegħu żewġ skieken mid-dar tiegħu qabel mar il-Ħamrun, mhux bl-intenzjoni li joqtol lil xi ħadd, iżda għax kien jaf li Pace kien perikoluż.

Id-difiża ttella’ numru ta’ xhieda

Qabel ma tingħata is-sentenza saru s-sottomissjonijiet dwar il-piena. Għad difiża l-ewwel xehed l-Avukat Vince Galea. Dwar Joseph Grech, x-xhud qal li hu kien l-avukat tiegħu. Tenna li ilu jafu madwar 20 sena u l-każijiet tiegħu dejjem kwistjonijiet ċivili relatati mal-propjetà.

Meta mar għandu fl-2005 kien fuq kwistjoni ta’ wirt fuq razzett. “Solvejna l-kawża tal-wirt u spiċċa biex żviluppa l-propjetà. Dejjem rispett rajt mingħandu jien”, qal ix-xhud. Tenna li l-akkużat kien għamillu wkoll xi xogħol ta’ membrane d-dar tiegħu. Huwa bniedem tal-familja u t-tfal tiegħu jħobbuh u jadurawh. Jaf dan kollu għax kemm-il darba kien mistieden għal xi avveniment tal-familja u li hu kien jattendi.

Ix-xhud qal li d-dar ma jidħol ħadd, imma hu jidħol għax kien jafdah. Dejjem mexa mal-kelma tiegħu fuq xi problemi li kellu ċiviliment. Mhux xi persuba li jikkustinja u dejjem wasal miegħu. Wara xehed il-perit David Psaila li ilu fil-professjoni għal 30 sena.

Qal li ilu jaf lil Joseph Grech mill-2009 fejn kien qed jiżviluppa sit f’Tal-Pietà. Dwar Joseph Grech dejjem kien isib soluzzjoni b’mod professjonali. Baqa’ jkellmu għax ix-xhud qal li għandu numru ta’ appartament f’Tal-Pietà u li Joseph Grech kien jiġborlu l-flus u li hu ma jista’ jgħid xejn ħażin fuqu.

Xhud ieħor għan-nom tad-difiża kien Stephen Ciangura, Direttur kumpanija tas-sigurtà. Qal li Kurt Grech jaħdem mal-kumpanija tiegħu wara li kien applika biex jaħdem miegħu. Jafu peress li hu dilettant taż-żwiemel bħalu.

Kellu l-liċenzja ta’ uffiċjal tas-sigurtà u kien jagħmel patrol mal-Università, u li kien jaħdem mal-kumpanija full time. Wara ħadem San Vinċenz u dejjem kellu mġiba tajba. Tenna biex kien fdat jaħdem l-Università, żgur għax kien persuna ta’ min joqgħod fuqha.

Darren Grech, it-tifel u ħu l-akkużati, xehed ukoll fejn qal li kelllu relazzjoni tajba ma’ missieru u li dejjem ħadem għalihom u dejjem għallimhom biex ma jagħmlu xejn ħażin. L-Assistent Kummissarju li kien l-uffiċjal investigattiv ewlieni fil-każ, xehed ukoll. Tenna li qatt ma kellu problemi mal-imputati.  

L-Avukat Edward Gatt qal li s-sentenza fuq Kurt Grech tenna li huwa każ ta’ qsim il-qalb. Tifel ta’ 21 sena li tilef ħajtu u hija xi ħaġa sfortunata. Minkejja l-passat notorju tal-vittma, għandu d-drittijiet ukoll. Imma wieħed irid jieħu ritratt ta’ dak li ġara.

Każ li nibet fuq minuri ta’ sitt snin. Il-kodiċi kriminali qiegħed hemm biex iħares lill-vittma u lill-akkużat. Hemm barra ikun hemm dispjaċir li xi ħadd tilef ħajtu, fejn Malta mixgħula u li qed jaraw li jinħoloq bilanċ, fejn hemm ħafna ikwetati li jkollu lil ibnu għaddej f’din is-sitwazzjoni, allaħares kont fiha jien, qed jingħad.

Issa huwa l-opportunità li ma tkunx sentenza li l-ħsieb hemm barra niddisturnawh. Sentenzi tajbin jingħataw mill-Qrati, imma ġieli jkun hemm istanti fejn jiddisturbaw lin-nies. Fuq kalibrazzjoni ta’ piena bejn il-minimu u l-massimu u hawn irid jagħti piż kbir fuq dan. Semma’ każ ta’ ġuri ieħor fuq qtil li l-Qrati 7-2 imma ngħata l-minimu għax l-Imħallef dehrlu fuq dak li ħaqqu għax sema’ l-każ mal-ġurati, fejn qal li hu jrid jorqod bil-lejl.

Il-minimu qal l-Avukat Gatt huwa minimu ta’ 12-il sena u massimu ta’ għomor. Qal li l-ġurati bagħtu messaġġ. Apparti fejn ikkonċediet id-difiża, il-messaġġ li riedu jwasslu l-ġurati, vot ta’ 6-3 huwa li l-Qorti għandha tmur fuq il-minimu. Ma tantx issib vot minimu f’ġurijiet bħal dawn.

L-Avukat Gatt qal li wieħed ma jistax jinjora l-messaġġ tal-ġurati. Huwa vot minimu. Il-leġiżlatur jagħmel il-parametri u għal xi raġuni jagħmilhom. Qal li dawn huma individwi ta’ ‘first time offenders’. Tenna li b’dawn l-ingredjenti kollha jkun sorpriż u diżilluż jekk il-Qorti ma tirrispettax il-vot tal-ġurati. L-Avukat appella għall-klemenza minn naħa tal-Qorti.

Wara, għamel it-trattazzjoni għall-piena l-Avukat Roberto Montalto li deher għal Joseph Grech. Qatt ma kellu problemi ma ħadd u dejjem baxxa rasu għal dak li qallu l-Avukat Vince Galea, u hemm juri xi bniedem hu. Qal li anke jaf lil Joseph Grech bħala ħabib ta’ veru.

Ħadd m’għandu dubju x’għamel Joseph Grech, fejn spiċċa involut fih b’mod aċċidentali, u għamel dak li għamel għall-imħabba li għandu fejn it-tifel. Il-prosekutur qal hu stess dawn il-kliem, “li kieku kont qed nara lil xi ħadd jagħmel hekk lil ibni, ma nafx x’kont nagħmel.”

L-Avukat Montalto qal li qed jitlob piena ta’ mhux aktar minn 12-il sena, anzi mhux kwart iżjed. Fil-konfront ta’ Grech kollha ġew 6-3 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ verdett. Fuq it-tieni kap hemm tliet ġurati lanqas biss arma ma kellu. Qal li rridu nirispettaw il-maġġoranza li ddeċidiet kif iddeċidiet.

Tlieta qed jgħidu li lanqas biss kellu arma. Fuq Donna Pace dak li qalet hi ma kienx minnu u dan b’mod unanimu. Biex issir ġustizzja ma’ Joseph Grech, irid jingħata piż għal dak li qalu t-tliet ġurati. Semma wkoll dak li xehdu l-professjonisti favur l-akkużati. “Dan il-każ qed jokrob għall-ġustizzja,” qal l-Avukat difensur. Semma każ ta’ omiidju doppju, persuna kien ingħata 20 sena, ħabs u dan meta r-riżultat ma kienx ta’ 6-3.

Il-messaġġ hemm barra hu li trid issir ġustizzja favur l-ordni pubblika

Il-Prosekutur Kevin Valletta qal li meta kien qal li huwa ġuri diffili, huwa minnu wkoll. Imma qal li wieħed irid joqgħod attent fuq il-messaġġ li jird jingħata hemm barra. Fuq dakinhar lanqas kien jaf Kurt li l-minuri kien qiegħed hemm. Qal li huwa ta’ qsim il-qalb, tenna li huwa qatt ma qal li l-akkużati huma xi kriminali. “Hawn mhux qed ngħixu f’xi ġungla u ma nistgħux nieħdu l-liġi fidejna,” qal il-prosekutur.

Li kieku dakinhar ħasbuha aktar, kieku r-riżultat kien ikun mod ieħor. Brandon Pace id-dar kien qiegħed u min mar bis-skieken u ried itemm kollox hemm. U missieru għaliex ma waqfux? Ħallih, biex imbagħad ġara li ġara. Il-verdett hu li hu wkoll, u r-riżultat hu li hu fejn ma nistgħux ninżlu inqas minn 12-il sena.

Hemm barra rridu nibagħtu messaġġ favur l-ordni. Hija traġedja minn kull angolu, temm jgħid l-Avukat Valletta. L-Avukat Ishmael Psaila, li deher għall-parte civile qal li l-verdett tal-ġurati huwa ta’ 6-3 ħatja. Tenna li dak li jridu hemm barra hija ġustizzja.

Qal li hija l-omm li se ġġorr dak kollu, li kellha tifel meħud minn ħajjitha. “Alla ħares kont jien u ġew bis-skieken quddiemi,” qal l-Avukat u tenna li alla ħares jintbagħat messaġġ li għandek kemm għandek raġun, taġixxi b’dan il-mod.

Qal li l-Qorti kellha l-istqarrija fuq Joseph Grech, fejn dan kellu l-kontrolli kollha biex iwaqqfu u jservi ta’ deterrent. Tenna li t-tielet sikkina kienet f’idejn il-mara ta’ Joseph Grech. Fuq il-piena, qal li hawn kellna persuna ta’ 21 sena, li kellu familja li ġie priv li jgħix u jgawdi lil ibnu.

L-avukati Roberto Montalto, Katheleen Grima u Edward Gatt kienu avukati difensuri filwaqt li l-avukati Rachel Tua u Ishmael Psaila rrappreżentaw lill-familja tal-vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.