Fi ftit tal-jiem oħra l-Partit Nazzjonalista mistenni li jkollu Segretarju Ġenerali ġdid. Probabbilment lil Charles Bonello li nawgurawlu minn issa. Imma fil-jiem li għaddew Il-Mument poġġa ma’ Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali, u miegħu ta ħarsa lejn dawn it-tliet snin u tmien xhur ta’ tmexxija minnu.
Michael Piccinino beda biex qal li hu diffiċli biex wieħed jiddeskrivi din l-esperjenza ta’ kważi erba’ snin tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-PN, iżda żgur li snin ta’ sodisfazzjon kbir għaliex fihom seħħew diversi affarijiet diffiċli u dan minkejja l-isfidi kollha li kellu quddiemu l-PN.
Kien hemm ħafna li ma kenux jemmnu li l-Partit seta’ jimxi ’l quddiem u jikseb riżultati pożittivi u inkoraġġanti kif għamel fl-Elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda meta mhux biss mar tajjeb ferm fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u anki fl-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, imma irnexxielu jikseb riżutat sabiħ wara ħafna snin li fih innifsu jagħti tama ġdida lil pajjiżna.
F’’dawk l-Elezzjonijiet il-PN ġab maġġoranzi ġodda, ġab siġġu ieħor fil-Parlament Ewropew, rebaħ għadd ta’ Kunsilli Lokali… u, fuq kollox, naqqas qatigħ id-distakk bejn iż-żewġ Partiti f’termini ta’ voti.
Barra minn hekk, il-PN għamel kisbiet importanti wkoll fejn tidħol il-midja tiegħu għaliex kabbar l-udjenzi tiegħu tat-televiżjoni u r-radju u dan apparti milli żied ukoll il-qarrejja tal-gazzetta Il-Mument u l-ġurnal In-Nazzjon.
Mistoqsi x’inhu r-rwol tas-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino fisser li dan hu rwol kumpless… hu responsabbli mill-amministrazzjoni tal-Partit u hu l-persuna responsabbli mill-istrateġija politika u fl-isfond ta’ kollox irid jikkordina l-ħidma amministrattiva flimkien mal-Kap u mal-Uffiċjali l-oħra kollha tal-Partit. Irid jassigura li l-istrutturi jkunu dejjem b’saħħithom biex in-nies ikunu jistgħu jintlaħqu bl-aktar mod effettiv.
Hu kompla li darba laħaq Segretarju Ġenerali, ftit biss tax-xhur wara ġiet l-Elezzjoni Ġenerali fejn il-PN ma kienx ġab riżultati tajbin, iżda immedjatament il-Partit beda l-ħidma tiegħu biex jerġa’ jinbena mill-ġdid u hekk sar u l-ħidma kbira li saret f’dak il-perjodu wasslet biex iva l-Partit kiber u saħansitra fl-Elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda nfetħet tama ġdida għall-poplu li sseħħ f’pajjiżna l-bidla li tant hawn bżonn.
Kumitati Sezzjonali b’saħħithom
Illum il-PN għandu l-Kumitati Sezzjonali tiegħu b’saħħithom u lesti biex jaħdmu l-elezzjoni tiġi meta tiġi. L-istess l-Elcom u l-fergħat kollha tal-Partit.
Mistoqsi jaqbilx li r-riżultati ma jinkisbux bil-kumbinazzjonijiet, Michael Piccinino fisser li r-riżultati nkisbu grazzi għall-ħidma kbira li saret minn diversi timijiet ta’ nies. “Għaliex kellna ħafna timijiet u kumitati ta’ nies b’nies tajbin li sabu l-aħjar ambjent u l-aħjar atmosfera biex jaħdmu fihom u hekk stajna nilħqu tragwardi tassew diffiċli.”
Mistoqsi dwar x’jaħseb li huma wħud mir-raġunijiet għall-PN li ġab riżultat inkoraġġanti f’Ġunju li għadda, Michael Piccinino qal li l-analiżi tiegħu hi li dawn ir-riżultat nkisbu għaliex il-PN kellu tim ta’ kandidati tajbin; kien hemm il-fattur li l-kandidati daru d-djar u ltaqgħu man-nies u kien hemm ukoll mod dixxiplinat kif inħareġ il-messaġġ tal-Partit.
Issa dak kollu li bnejna rridu nkomplu nsaħħuh u nqawwuh ħalli finalment inkunu nistgħu nsarrfuh fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. Importanti ferm li naħdmu mal-Kap Bernard Grech u ma’ Charles Bonello li se jkun is-Segretarju Ġenerali l-ġdid, biex nassiguraw li bl-għajnuna ta’ kulħadd ikollna Gvern Nazzjonalista ġdid li jġib il-bidliet li tant hawn bżonn fil-pajjiż.
Hawnhekk hu tkellem dwar il-ħidma li s-Segretarju Ġenerali jrid jagħmel flimkien mal-Kap tal-Partit li finalment irid jikkonċentra fuq it-twassil tal-messaġġ qalb in-nies. Dawn huma ż-żewġ persuni li jridu jistinkaw id f’id biex jintlaħqu t-tragwardi li jkun hemm bżonn.
Mistoqsi dwar episodju ikrah ferm tul din l-esperjenza – il-mewta għall-għarrieda ta’ Karl Gouder – Michael Piccinino qal li dik kienet telfa kbira ħafna u ħalliet lil kulħadd imkisser u ferut għaliex ħadd ma stenniha. Karl Gouder, li kollox kien jindika li kien se jsir is-Segretarju Ġenerali l-ġdid, kien jaf sew lil dan il-Partit, kemm għaliex kien eks ħaddiem, kien ukoll eks Sindku u anki Eks Deputat Parlamentari. Kien ukoll il-persuna responsabbli mill-midja tal-Partit u anki kien il-Campaign Manager għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda.
Minn April sa Ġunju tas-sena l-oħra Kal Gouder u jien ħdimna mill-qrib ħafna għaliex ħdimna mill-istess uffiċċju. Karl Gouder ħalliena u ħalla esperjenza ta’ diġa kbira. It-tluq tiegħu wasslet bilfors biex isiru numru ta’ tibdiliet u għalhekk anki l-proċess ta’ Segretarju Ġenerali kellu jieħu xi ftit aktar fit-tul. Fuq kollox, il-Partit ried li għall-istruttura tal-kumpanija jsiru t-tibdiliet li kien hemm bżonn biex hekk kollox jimxi ħarir. Din illum qegħda hemm u qed tiffunzjona.
Lura għar-riżultati pożittivi ta’ Ġunju li għadda, Michael Piccinino qal li meta kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u kulħadd jiġbed il-ħabel fl-istess direzzjonijiet, ir-riżultati jinkisbu u issa rridu nħarsu dejjem ’il quddiem biex dak li nbeda jitkompla u hekk inkunu lħaqna l-miri tagħna li jkollna lill-Partit Nazzjonalista fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż.
Hemm bżonn li tkompli titwettaq ħafna ħidma biex hemm barra n-nies jifhmu aktar il-bżonnijiet veri ta’ dan il-pajjiż li jixraqlu tmexxija ġdida li tkun tixraq mhux biss lill-istess poplu Malti u Għawdxi, imma anki lill-pajjiż. Ma jistax ikun li f’pajjiżna nibqgħu għaddejjin bil-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja fejn ħafna nies ma jlaħħqux mal-bżonnijiet tagħhom u oħrajn qegħdin jgħixu fir-riskju tal-faqar.
Għandna l-problema ta’ ħafna żgħażagħ u koppji li ma jistgħux jixtru l-proprjetà li jixtiequ biex jibnu futur minħabba l-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-bini li tiela’ ma’ kullimkien. Imbagħad il-problema tal-ambjent u l-isfreġju ambjentali fejn il-Gvern jiġi jaqa’ u jqum u dan minkejja l-karba tan-nies biex ma jibqax ikun hemm aktar bini bl-addoċċ u ma’ kullimkien u bi ħsara irreparabbli għall-ambjent.
Hawn madwarna wkoll il-problema tal-isplużjoni tal-popolazzjoni; splużjoni bla ebda ippjanar u bla ebda viżjoni politika. Għall-Gvern Laburista l-importanti kien biss li jifqa’ lil pajjiżna bil-barranin biex issa s-servizz mhumiex ilaħħqu mad-domanda, l-infrastruttura mhix tlaħħaq; l-isptar mhux ilaħħaq… jiġifieri s-sitwazzjoni hi waħda serja u gravi u kulħadd jeħtieġ li jifhem li pajjiżna għandu bżonn ta’ bidla; bidla għall-aħjar ġid li għandu bżonn dan il-poplu u pajjiżna.
Hawn hekk tkellimna ftit dwar in-narrattiva politika ħarxa li kellna fl-aħħar xhur fejn, fost l-oħrajn, rajna r-riżenji ta’ Ministru, ta’ Chief of Staff u ta’ Segretarju Permanent. Rajna wkoll persuni jitressqu l-Qorti dwar akkużi gravi ħafna. Il-PN f’dan ix-xenarju baqa’ jagħmel id-doveri tiegħu; doveri li jirriflettu li aħna Partit fl-Oppożizzjoni serju u dinamiku fejn il-ħażin ngħidulu ħażin u t-tajjeb ngħidulu tajjeb. Imma mhux biss… għax konna wkoll Oppożizzjoni li minn żmien għal żmien ħriġna bi proposti serji dwar oqsma varji tal-ħajja…. dwar l-għoli tal-ħajja, dwar it-trasport, dwar l-ambjent, dwar id-demografija.
Falla milli jiffoka fuq il-bżonnijiet tan-nies
Ilkoll naqblu li l-Gvern falla milli jiffoka fuq il-bżonnijiet tan-nies u għalhekk il-poplu hu diżappuntat b’dan l-atteġġjament tal-Gvern Laburista li saħansitra jmur fil-Parlament biex jikkritika l-proposti tal-PN li huma ta’ ġid għan-nies. Imma mhux biss… il-Gvern jissokta fil-Parlament sejjer b’leġiżlazzjoni li l-iskop tagħha mhu xejn għajr milli tnaqqar mid-drittijiet sagrostanti tan-nies. U dan kollu sempliċiment biex jipproteġi lilu nnifsu.
Dan hu Gvern Laburista li jabbuża u ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn gvern u partit u għalhekk għandu bir bla qiegħ biex iwassal il-messaġġi tiegħu. In-nies qiegħda tifhem dan kollu u qed tifhem li dan hu Gvern li għajja milli jkompli jmexxi u għalhekk qiegħed juża fondi pubbliċi biex jagħmel kampanja wara oħra ta’ marketing favur tiegħu. Tassew Gvern Laburista tal-mistħija.
Michael Piccinino, mistoqsi dwar kif se jkun qiegħed iħalli l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-PN, qal li l-messaġġ tiegħu llum hu wieħed ta’ kuraġġ. Inkomplu naħdmu u nkomplu nirsistu biex hekk kif ġibni riżultati ta’ tama f’Ġunju li għadda, inkomplu nġibu aktar riżultati li jqawwulna qalbna u hekk inkunu tassew gvern alternattiv u xieraq għal dan il-poplu Malti u Għawdxi.
Inkomplu nwasslu l-messaġġ tal-Partit u nkomplu nistiednu aktar żgħażagħ biex jissieħbu fil-Partit biex jitkellmu u jkunu parti minn dan il-proċess ta’ tibdil għall-ġid ta’ pajjiżna. Għax, fost l-oħrajn, ma jistax ikompli għaddej l-għoli tal-ħajja u l-Gvern qisu xejn; ma jistax ikompli għaddej l-għoli tal-proprjetà u l-l-Gvern qisu xejn. Dan hu diskors li japplika wkoll għall-ambjent li dwaru ħafna u ħafna nies jitħassbu u jinkwetaw u għandhom kull raġun hekk kif kulma jmur ikomplu jaraw aktar sfreġji ambjentali madwarna.
Mistoqsi fuq livell internazzjonali kif qed iħares lejn dak kollu li qiegħed iseħħ fl-Ewropa, fl-Istati Uniti u lil hinn, Michael Piccinino qal li tajjeb li wieħed japprezza li l-PN dejjem kien konsistenti u onest għaliex dan hu qasam mill-aktar sensittiv.
Hu temm jistieden lill-poplu Malti u Għawdxi biex illum waranofsinhar jingħaqad mal-PN għal protesta kontra dan il-Gvern li fil-veru sens tal-kelma falla biex hekk ibiddel ir-rotta tiegħu skont l-aħjar interess ta’ pajjiżna u tal-poplu Malti u Għawdxi li huma fiċ-ċentru tal-politika; fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tolqot lin-nies.
Din l-intervista dehret f’Il-Mument tal-Ħadd 9 ta’ Marzu 2025.
//= $special ?>