Raġel li diġà nstab ħati fuq frodi tal-benefiċċji soċjali wara li kien ammetta fil-Qorti, qal li huwa għadda l-flus lil raġel li għandu ħanut tal-pastizzi fi Gwardamangia li kien irranġalu biex jieħu l-flus. Luke Azzopardi qal li huwa kien qed jitkellem ma’ dan ir-raġel li jismu bħalu.
Mitlub jara hux qed jagħraf lil din il-persuna fl-awla, Azzopardi qal li ma kien qed jagħraf lil ħadd għax qal ukoll li l-każ ilu ħafna. Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet lix-xhud li anzi l-każ m’ilux ħafna. Azzopardi baqa’ jgħid li mhux jagħrfu u li jiftakar li kellu l-fiżjonomija tiegħu u li kellu l-leħja.
Huwa kien qed jixhed meta kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-Eks Deputat Laburista, it-Tabib Silvio Grixti u Dustin Caruana, Manuel Spagnol, Luke Saliba u Roger Agius li fost sensiela ta’ akkużi jinsabu mixlija b’ħasil ta’ flus, frodi u organizzazzjoni kriminali.
Azzopardi qal li din il-persuna qaltlu li hemm skema li minnha seta’ jieħu xi ħaġa. Tenna li kien bagħat xi dokumennti u tela’ bord. “Staqsewni xi affariijiet fuq saħħa, u dan kollu fuq ismi u mhux f’isem it-tifla”, qal ix-xhud.
Tenna li l-persuna li rranġatlu kien bagħatlu messaġġ fuq din il-biċċa xogħol. “Ridt inħallsu u dan għamiltu bir-revolut fejn tajtu madwar €500 jekk niftakar sew”. Wara, qal li tah ċekk li kien qrib €2,000 u dan dejjem lill-istess persuna.
Huwa qal li ltaqa’ miegħu xi ħames darbiet. U meta mistoqsi mill-Qorti biex jerġa’ jipprova jagħrfu, reġa’ qal li ma kienx qed jagħrfu u tenna li bħalu kellu xagħru qasir, u reġa’ qal li jiftakar li jismu Luke bħalu. Huwa qal lill-Qorti li kien ingħata sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs għal erba’ snin u ħallas lura l-flus kollha li rċieva bil-benefiċċji sojali li ma kellux dritt għalihom.
Roger Agius, Emmanuel Spagnol, Dustin Caruana u Luke Saliba, qed jiġu mixlija li waqqfu u li ffurmaw parti minn organizzazzjoni kriminali, li ffrodaw lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ammont ta’ aktar minn €5,000 u falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali.
L-irġiel huma akkużati wkoll li ffalsifikaw dokumenti pubbliċi u xjentement għamlu użu minnhom, għamlu dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet pubbliċi u fil-pussess ta’ oġġetti maħsuba biex jintużaw għal skopijiet frawdolenti, kif ukoll akkuża separata ta’ ħasil ta’ flus.
Grixti jinsab akkużat li pprovda lill-applikanti b’ċertifikati mediċi għal diżabbiltà li fil-verità ma sofrewx minnhom, li ppermettewlhom jikkwalifikaw għall-allowance wara li dehru quddiem bord mediku. Il-Pulizija qed takkuża lil Agius, Spagnol, Caruana u Saliba li aġixxew bħala intermedjarji, li ġabru ħlasijiet mingħand il-benefiċċjarji b’mod frawdolenti.
L-Avukati Micheal Sciriha, Lucio Sciriha u Roberto Spiteri qed jidhru għal Caruana u Spagnol. L-Avukati Mario u Nicholas Mifsud qed jidhru għal Agius filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono qed jidhru għat-Tabib Grixti. Għal Saliba qed jidhru l-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Charmaine Abdilla mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Andy Rotin, Wayne Borg u Shaun Friggieri. Għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed tidher l-Avukat Anita Giordimaina.
Il-kumpilazzjoni se tkompli fl-24 ta’ April li ġej fin-12.30pm..
//= $special ?>