Lokali Qorti

Jingħata l-pleġġ wara li ġie mixli bi vjolenza domestika

Raġel ta’ 41 sena li għandu żewġ indirizzi, wieħed fis-Swieqi u l-ieħor f’Ħad-Dingli, ‘ingħata’ l-pleġġ wara li wieġeb mhux ħati ta’ vjolenza domestika fil-konfront ta’ mara li kellu relazzjoni magħha. Huwa kien mixli li wettaq dan ir-reat nhar is-Sibt li għadda bejn it-3pm u l-4.30pm, f’Ħal Qormi.

L-akkużat li ismu mhux qed jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-allegat vittma, ġie mixli li kkaġuna biża’ fuq il-mara li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha u għaldaqstant kienet maħkuma minn biża’. Ġie mixli wkoll li hebb għal eks sieħba tiegħu, li inġurjaha, li kiser il-paċi pubblika u li sar riċediv.

Il-prosekuzzjoni talbet lill-Maġistrat Charmaine Galea biex toħroġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara u żewġt uliedha. Meta d-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, l-Ispettur Omar Zammit iddikjara li ma kellu ebda oġġezzjoni.

Il-Qorti laqgħet it-talba bil-kundizzjoni li l-akkużat ma jersaqx lejn ir-residenza tal-mara, li jgħix Ħad-Dingli, li jiffirma l-Għassa tar-Rabat kull nhar ta’ Ġimgħa bejn it-8am u t-8pm. U li jagħmel depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €2,000.