Jordan Azzopardi ta’ 35 sena, residenti Busietta Gardens fis-Swieqi u li huwa magħruf sew mal-Pulizija, inżamm arrestat mill-Maġistrat Charmaine Galea wara li ġie mixli li kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina u cannabis mhux għal użu personali tiegħu.
Huwa ġie mixli b’16-il akkuża li jinkludu ħasil ta’ flus, pistola u li kellu somma flus li ġejjin minn attività kriminali. Il-każ ġie fis-seħħ b’rabta ma’ ħruq ta’ vetturi f’Wied il-Għajn fis-sigħat bikrin ta’ nhar l-Erbgħa, 5 ta’ Marzu.
Huwa ġie akkużat ukoll b’rabta ma’ ħruq ta’ karozza oħra f’Novembru li għadda f’Ħaż-Żabbar. Il-Pulizija qalet li fis-2am kienet infurmata li hemm xi karozzi li ngħataw in-nar. Il-Pulizija marret fuq il-post mal-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u ntalbu jassistu fi Triq il-Gardiel.
Hemm, instabu żewġ vetturi li kienu pparkjati maħkumin minn nirien. Wara li n-nirien ġew kontrollati, minnufih bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Il-prosekuzzjoni qalet li l-ewwel inħarqet karozza u konsegwentement inħarqet oħra li kienet ħdejha.
Minn filmati tas-CCTV’s raw li kien hemm żewġt irġiel f’karozza Peugeot 108, liema karozza kien fiha l-akkużat. Il-Pulizija qalet li l-karozza kienet fuq isem l-eks tfajla tiegħu u li din qalet li l-karozza kien juża hu biss u li kien sar it-transfer fuqu.
Il-prosekuzzjoni qalet li kien fit-8 ta’ Marzu li marru biex jarrestaw lil Jordan Azzopardi u fil-karozza sabu pistola kkargata u elfejn ewro fi flus ukoll. Il-vettura skont il-filmati hija l-istess waħda li uża Jordan Azzopardi. “Vettura jista’ jsuqha kulħadd u għandkom provi li kien hu qed isuqha? staqsa l-Avukat Franco Debono.
Saret talba għal ordni ta’ ffriżar, liema talba ġiet milqugħa mill-Qorti. Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju mid-difiża. Akkuża oħra li ffaċċja Azzopardi kienu li ttrasferixxa propjetà li ġejja minn attività kriminali, li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, li żamm arma bla liċenzja, fastidju, li kiser il-paċi pubblika u li huwa riċediv.
Jordan Azzopardi kemm-il darba ġie arrestat mill-Iskwadra tad-Droga fuq pussess u traffikar ta’ kokaina u droga oħra. Azzopardi, li ħafna jafuh bil-laqam ta’ El Chapo ta’ Malta, kien ukoll ingħata sentenza ta’ seba’ xhur ħabs f’każ ieħor fl-2015 wara li ħalla raġel ferut gravi.
L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Charles Mercieca dehru għal Azzopardi. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Daniel Tabone u Joseph Camilleri Azarov flimkien mal-Ispettur Shaun Pawney.
//= $special ?>