Internazzjonali

L-Istati Uniti-Russja: L-ewwel fażi ta’ proċess lejn ir-restawr tar-relazzjonijiet bilaterali

Il-kelliema f’Moska qalu li r-Russja, bħalissa, tinsab fl-ewwel fażi tar-restawr tar-relazzjonijiet bilaterali mal-Istati Uniti. Żvilupp li jiftaħ beraħ għal tragward storiku fi żmien dejjem aktar inċert għad-dinja minn aspett ġeopolitiku.

Dan ukoll meta r-Russi qed jitkellmu dwar ‘taħditiet kostruttivi’ bejn il-President Russu Vladimir Putin u l-President tal-Istati Uniti Donald Trump. Taħditiet li mistennija jkomplu fi żmien meta Washington jidher li qed jitbiegħed mill-kunċett li jiddetermina biex ir-Russja tibqa’ ‘imwarrba u iżolata’ mill-Punent b’kaġun tal-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna. 

Is-sorsi viċin il-Kremlin qalu li r-restawr tar-relazzjonijiet mal-Istati Uniti jinvolvi triq twila u diffikultuża – madankollu, qed jingħad ukoll li Putin u Trump it-tnejn esprimew ir-rieda politika li jaqbdu din id-direzzjoni speċifika.

Fl-aħħar ġimgħat, Vladimir Putin u Donald Trump kellhom telefonata twila bejniethom u l-kelliema tal-Kremlin qed jinsistu li l-kuntatti bejn Moska u Washington ‘qed ikunu kostruttivi biżżejjed biex iż-żewġ potenzi jibnu fuqhom waqt li jirrisolvu xi punti ta’ diżgwid.’

Sadanittant – u wara li l-gwerra fl-Ukrajna daħlet fit-tielet sena – il-President Ukren Volodymyr Zelensky, qal li pajjiżu ilu jinsisti għall-paċi sa mill-bidu nett tal-konflitt. Dan meta r-Rappreżentanti Għoljin tal-Ukrajna, illum, se jissieħbu f’taħditiet kruċjali mar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti u li se jsiru fl-Arabja Sawdija.

Hu minnu wkoll li r-Russja u l-Ukrajna għadhom ‘il bogħod milli jaċċettaw ftehim għall-paċi sodisfaċenti għall-partijiet kollha.

Fl-istess ħin, il-Gvern tal-Istati Uniti – li qed iwettaq pressjoni fuq Zelensky biex jaċċetta ‘kull xorta ta’ ftehim għall-paċi’ –  baqa’ jinsisti li l-Ukrajna lesta biex tipproċedi bi proċess għal waqfien mill-ġlied. U filwaqt li Zelensky jinsab l-Arabja Sawdija għal żjara statali mhux mistenni li hu, għada t-Tlieta jattendi t-taħditiet mal-uffiċjali tal-Istati Uniti f’Jeddah.

Intant, ħafna jiddependi mill-prospetti għall-‘abbozz’ ta’ ftehim għal waqfien mill-ġlied fl-artijiet Ukreni. U għalkemm l-Ukreni qed jinsistu li jinsabu lesti għal waqfien mill-ġlied ‘mill-ajru u fuq il-baħar’, huma jridu li r-Russja timpenja ruħha b’mod konkret għall-istess għan.