Opinjoni

OPINJONI: Dittatorjat!

Fil-jiem li għaddew fil-Parlament iddiskutejna l-abbozz ta’ liġi li jittratta l-bidla fil-liġi li l-gvern qed jipproponi għal dak li għandu x’jaqsam ma’ inkjesti maġisterjali

mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus
Shadow Minister għall-Enerġija

Bħalissa s-sitwazzjoni hi li għandna żewġ tipi ta’ inkjesti maġisterjali. Anzi hemm żewġ modi kif jinbnew inkjesti maġisterjali; l-ewwel mod fuq talba diretta tal-Pulizija u t-tieni mod fuq talba taċ-ċittadin privat. Hi din it-tieni parti li l-Gvern qed jipprova joqtol.
Fejn hemm il-possibbiltà li tinbena inkjesta maġisterjali fuq talba taċ-ċittadin normali. Din issir billi ssir talba b’rikors lill-Maġistrat tal-Għassa dakinhar però għal min, min-naħa tal-Gvern, ipprova jagħti l-impressjoni li din hija xi walk in the park, kif jgħidu l-Ingliżi, li l-Gvern ipprova jagħti l-impressjoni li bħalissa tant hi faċli li kważi tista’ taqbad u ddaħħal inkjesta kif ġie ġie, tajjeb nifhmu r-rekwiżiti x’inhuma llum biex nifhmu li t-talba kif inhi llum mhijiex faċli għaċ-ċittadin normali.
Mela f’din it-talba li ssir permezz ta’ rikors fuq inizjattivi ta’ ċittadin privat irid naturalment jissemma jew jindika min huma l-persuni suspettati f’din it-talba għall-inkjesta maġisterjali.
Fit-tieni lok min jagħmel it-talba jrid jindika wkoll x’inhuma r-reati. Allura qed ngħidu jekk hux din it-talba għall-inkjesta maġisterjali għandix tinvestiga pereżempju serq li sar, frodi, korruzzjoni, eċċ. Bżonn ieħor ta’ rikors għal talba lill-maġistrat għall-inkjesta hija li l-persuna suspettata trid tiġi notifikata bir-rikors li wkoll hi tista’ tippreżenta r-risposta tagħha.
U allura hawnhekk qegħdin naraw dritt għal min qiegħed jiġi mitlub li jiġi investigat, id-dritt li mhux biss ikun jaf li saret din it-talba però l-possibbiltà li hu jagħmel risposta, jagħti l-opinjoni jew il-veduti tiegħu għal din it-talba għall-inkjesta maġisterjali li tkun qed tintalab fuqu.
Tajjeb li wieħed japprezza li issa l-affarijiet se jinbidlu għaliex l-ewwel irid ikollna lil xi ħadd li jmur għand il-Kummissarju tal-Pulizija, irid ikollu l-provi kollha lesti f’idu, għax kieku l-Kummissarju tal-Pulizija ma jmexxix. Mhux hekk issa kif ġejja l-Liġi?
Imbagħad irid jgħaddi mill-filtru tal-Pulizija kollu, b’xi mod issir l-inkjesta… ara kemm hemm probabbiltajiet diffiċli ta’… u jekk jirriżulta li ma kienx hemm bażi għall-inkjesta biex verament mhux jaqtgħu qalbu u jbeżżgħu… min jagħmel it-talba issa se jġegħihom iħallsu l-multi.

Gvern ta’ dittatorjat
Daqshekk wasalna waqajna fil-baxx taħt dan il-Gvern ta’ dittatorjat. Apparti l-fatt li issa hemm it-terminu – din oħra – ta’ sentejn. Jien nifhem li kull proċess fil-Qorti bid-dewmien esaġerat u l-inkompetenza tal-Gvern fl-input tiegħu li jitnaqqas id-dewmien fil-Qrati… imma issa din il-Liġi se timponi sentejn massimu ta’ inkjesta. Dan ifisser li fejn għandek inkjesti kumplessi mal-għeluq tas-sentejn, time up. Again, ngħinu li min irid jaħbi! Il-membri tal-Gvern iridu jgħinu lil min irid jaħbi, lil min irid jagħmel il-ħmieġ f’pajjiżna, biex ikompli jirrenja.
Biċ-ċirasa fuq il-kejk, ħalli niġu għad-deżerta, tkun il-proposta tal-Gvern li l-Liġi li se tidħol se tkun retroattiva. Tajba wkoll! Jiġifieri dawk it-talbiet li daħlu jridu jgħidulhom ċaw ċaw ukoll.
Imma x’qed ibeżża’ lill-Gvern ta’ Robert Abela? Għaliex għandhom dan il-biża’ kbir fuqhom? Biża’ li wasaltu f’dan il-preċipizju, li lin-nies mhux biss taqtgħulhom qalbhom, imma dawk it-talbiet li daħlu tridu twaqqfuhom.
Imbagħad jiddejqu għax ngħidulhom li huma ħaġa waħda ma’ min jagħmel il-kriminalità. Meta taqra dawn il-punti kollha li semmejt jien, huwa ovvju.
Irrid nenfasizza li bis-sistema kif inhi llum, bit-tajjeb u l-ħażin tagħha, li kieku ma kinetx għaliha, għax hekk irid il-Gvern, kieku l-investigazzjoni ta’ 17 Black ma saritx. Hux hekk riedu? Kieku l-Liġi kif inhi llum kienet kif qed tipproponu intom, kieku l-inkjesta tal-Electrogas ma saritx. Kieku għalikom, l-inkjesta tal-Panama Papers ma saritx. Kieku għalihom l-inkjesta ta’ Vitals u ta’ Steward u tal-isptarijiet ma saritx. Kieku għalihom l-isptarijiet għadhom għand il-Gvern. Gvern li jmissu jistħi fil-veru sens tal-kelma. Din għidulhom lin-nies; li bil-liġi kif iridha l-Gvern ta’ Robert Abela, l-isptarijiet kienu għadhom għand il-frodisti li serquna €400 miljun. Imisshom jistħu!

Is-serqa ta’ 226 kilo droga minn taħt imnieħer l-Armata
Sadattant, nixtieq nagħmel riferenza wkoll għas-serqa ta’ 226 kilo droga minn taħt il-pussess tal-Armata u rrid ngħid li bqajt imbellah nisma’ lill-Kummissarju tal-Pulizija jgħidli dan hu każ solvut!
Il-Kummissarju tal-Pulizija qalilna li minn 226 kilogramma droga nqabdu 85, qisu ftit iktar minn terz. Taf x’qal il-Kummissarju imbagħad fl-aħħar tal-konferenza tal-aħbarijiet li ta?
Se nikkwota: Irnexxilna nsolvu dan il-każ fl-inqas ħin possibbli. Imma inti temminha? X’solvejt Kummissarju tal-Pulizija? Li bdejt nifhimha, imma tmur tgħid lill-ġurnalisti li solvejt il-każ meta għandek żewġ terzi tad-droga li ħarġet għada hemm barra fis-suq?
Mela tiġu ngħidu solvejna l-każ? B’min tridu tgħaddu ż-żmien intom? Meta dduru fuq in-nies u fuq il-familji, għalikom aċċettabbli li jkollna Kummissarju tal-Pulizija li jmur jgħid hemm barra li solvejna l-każ; meta żewġ terzi tad-droga għadha hemm barra ma nafux fejn hi?
Ippermettuli hawn insellem lill-persuni li ħadmu fuq dan is-settur, fosthom lil Monsinjur Victor Grech, li sellimnielu. Naħseb li kieku għadu ħaj illum diġà telgħa t-taraġ ta’ Kastilja jiġri bid-dispjaċir ta’ dak li ġara f’pajjiżna fil-jiem li għaddew.
Però l-ironija hija li filwaqt li l-Prim Ministru, dan il-Gvern, irid ineħħilek id-dritt għal inkjesta – u jgħidu x’jgħidu, għax joqogħdu jdawruha li mhux vera se nneħħu d-dritt meta d-dritt tagħmlu kważi impossibbli biex tużah – toqogħdux idduru mal-lewża.
Dak id-dritt qed toqtluh. Dik hija l-verità. Inutli toqgħod turini xi ħaġa sabiħa, dejjem ixxennaqni għaliha, dejjem nimxi, nimxi u nimxi, u qatt ma naqbadha. L-istess qed jagħmel il-Gvern.
Però, filwaqt li jrid ineħħilek id-dritt l-ironija hija li l-Prim Ministru fejn ried żammu d-dritt għall-inkjesti amministrattivi. Ara għal dan l-iskandlu sejħu hu d-dritt għal inkjesta. Il-Prim Ministru ried id-dritt tal-inkjesti hu, imma għalina d-dritt irid ineħħihulna. Din hija d-differenza. Le, fuq din se nieqfulhom, u iktar minn hekk, din hija raġuni oħra għalfejn Gvern Nazzjonalista għandu jiġi elett sentejn oħra mil-lum.
Aħna nbiddlu lura din il-liġi. Id-drittijiet il-ġodda li ngħataw, inżommuhom, imma nerġgħu nagħtu dritt lura liċ-ċittadin tagħna li jkollu l-poter li jibda l-inkjesti hu.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 9 ta Marzu, 2025.