Lokali

Robert Abela version 1.0 mhux jaqbel ma’ Robert Abela version 2.0

Il-paċi tintrebaħ bil-fatti u mhux bir-retorika. Iżda, Robert Abela qed jagħżel li jinfexx fit-tgħajjir minflok jagħti r-risposti u jaġixxi.

Fil-Parlament, wara li saret Stqarrija Ministerjali mill-Prim Ministru dwar is-Summit tal-UE tal-ġimgħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li qed inkomplu naraw lil Robert Abela version 1.0 ma jaqbilx ma’ Robert Abela version 2.0.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bil-politika ta’ Robert Abela dwar id-difiża, il-vittmi llum huma l-Ukrajna u l-poplu Ukren, iżda din tista’ wkoll taffettwa fin-negattiv lill-kumplament tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri li jistgħu jkunu fil-mira ta’ stati jew organizzazzjonijiet oħrajn.

Bernard Grech fakkar kif kif Robert Abela version 1.0 ma jaqbilx ma’ Robert Abela version 2.0 għax filli jgħid mod u filli jgħid mod ieħor:

  • Robert Abela version 1.0: 18 ta’ Frar 2024 f’Bormla:
    “Il-Kandidati tal-Oppożizzjoni jridu jibagħtu lit-tfal tagħna għall-gwerra għax iridu li l-Ewropa ssaħħaħ id-difiża tagħha. Il-PN irid jilgħab bin-newtralità ta’ pajjiżna għax jemmen li għandna nirrikunsidraw l-interpretazzjoni tan-newtralità tagħna.”
  • Robert Abela version 2.0: 22 ta’ Marzu 2024 fi Brussell:
    Jivvota biex l-Ewropa tkompli ssaħħaħ id-difiża tagħha.
  • Robert Abela version 2.0: 4 ta’ Frar 2025 fi Brussell:
    “Malta mhix armata biżżejjed fid-difiża … Għandna nirrikonsidraw il-mod kif ninterpretaw in-newtralità tagħna.”
  • Robert Abela version 1.0: 6 ta’ Marzu 2025 fi Brussell (mal-ġurnalisti):
    “Ma nemminx fl-investimenti fl-armamenti … Qatt ma nista’ naqbel ma’ dil-linja li ninvestu f’aktar armamenti … l-armamenti jfixklu … il-ġimgħa li għaddiet kont naħseb differenti … imma l-iżviluppi tal-aħħar sigħat bexxqu t-tieqa li possibilment nistgħu naslu għal ftehim.”
  • Robert Abela version 2.0: 6 ta’ Marzu fi Brussell (ftit sigħat wara):
    Jaqbel li l-Ewropa għandha żżid l-armamenti tagħha u dawk tal-Ukrajna. Iżda jumejn biss qabel (fl-4 ta’ Marzu), id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u MEP Alex Agius Saliba, f’post fuq Facebook, qal li se jkompli jivvota kontra “dal-ġenn”.
  • Robert Abela version 1.0: 7 ta’ Marzu 2025 f’Malta:
    Jgħid li Malta mhux se tinvesti f’armamenti.
  • Robert Abela version 2.0: 8 ta’ Marzu 2025 f’Malta:
    Jgħid li l-investiment li trid tagħmel l-Ewropa u dak li vvota favurih jumejn qabel jinkwetah.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Robert Abela jrid jara jekk iridx jiddefendi lill-vittmi bil-fatti u mhux sempliċiment bil-kliem. Għax il-poplu Ukren m’għandu qatt ikun vittma u jitlef. Tenna li jekk l-Ukrajna titlef, tkun qed iċċedi wkoll il-kumplament tal-Unjoni Ewropea. Staqsa lil Robert Abela jekk iridx Unjoni Ewropea telliefa jew rebbieħa.

Pajjiżna għandu bżonn gvern li jmexxi Malta b’saħħitha fl-Unjoni Ewropea. Iżda Robert Abela qed imexxi Gvern li Falla, anke fid-difiża.