Lokali

Se nibqgħu nissieltu biex il-ħajja tiġi salvagwardata

Il-poplu Malti u Għawdxi jrid jingħata widen; il-vittmi tal-inġustizzji fil-qasam tal-kostruzzjoni mhux biss dawk li sfortunatament jitilfu ħajjithom, imma huma nies li jindarbu, nies li jgħixu fil-biża’.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fil-Parlament it-Tnejn waranofsinhar hekk kif il-Gvern ippreżenta x’għamel s’issa b’rabta mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

Bernard Grech insista dwar il-bżonn li mhux biss dawn ir-riformi jsiru, iżda importanti li jkunu nforzati.

Huwa insista li ma jistax jifhem kif il-Gvern qed jippretendi li jiddiskutu r-riformi li s’issa twettqu meta d-dokumenti kien ippreżentat ftit tal-minuti biss qabel mingħajr ma sar l-istudju meħtieġ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li jittama li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ikunu implimentati b’mod sħiħ mingħajr aktar dewmien għaliex d-dewmien ifisser inġustizzja mal-familji Maltin u Għawdxin.

Filwaqt li sellem lill-ġenituri taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista, bħal ma għamel lura f’Lulju tla-2023, se jkun qed jibqa’ jissielet sabiex il-ħajja tar-residenti affetwati u ħaddiema f’dan il-qasam tiġi mħarsa kif inhu denju.