Internazzjonali

Von der Leyen tenfasizza l-opportunitajiet ġodda u l-ħtieġa għat-tisħiħ ta’ alleanzi ġodda bħala ‘l-aħjar difiża għall-Ewropa’

Ritratt: Le Monde

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen – f’għeluq il-100 jum tat-tieni mandat tagħha fit-tmun tal-Kummissjoni – qed tmexxi kontinent li qed jiffaċċja l-isfidi fuq skala li l-Ewropej ma raw bħalhom qatt mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Perjodu meta ħadd ma jista’ jaħseb aktar fl-alleanzi li ilhom validi għal għexieren ta’ snin u meta l-Istati Uniti, għaldaqstant żmien l-ispalla tal-Ewropa, illum qed tħares aktar biex tikkonsolida forma ta’ partnership mar-Russja.

Von der Leyen, illum, qed tenfasizza ‘s-sens ta’ urġenza’ li ħakmet fl-Ewropa fost il-bidliet fundamentali li qed iħallu impatt kbir madwar il-kontinent.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea issa qed tagħmilha ċara li l-valuri tal-Ewropej – id-demokrazija, il-libertà u l-amministrazzjoni tal-liġi – jinsabu taħt theddida. Sitwazzjoni li qed tixħet dubju fuq il-kunċetti tas-sovranità u fost it-tkattir ta’ politika imperjalista, ‘il hinn mill-Ewropa, li kapaċi twassal għal gwaj indeskrivibbli fuq livell internazzjonali.

Madankollu, von der Leyen qed tinsisti li l-Ewropej ma jridux jaqtgħu qalbhom f’dawn iż-żmenijiet ta’ sfidi waqt li jaraw kif joħolqu l-opportunitajiet ġodda u favorevoli għall-kontinent kollu.

L-importanti hu li l-Ewropej ma jippermettux li d-destin tagħhom u tal-kontinent ikun deċiż u miktub minn ħaddieħor. Dan l-impenn jirrikjedi anki sforz kollettiv mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jibnu ‘Ewropa aktar sikura, b’saħħitha u sinjura’.

L-Unjoni Ewropea, illum qed issegwi b’allarm il-mod kif l-Istati Uniti, taħt it-tmexxija tal-President Donald Trump, litteralment ‘żarmat’ il-front Transatlantiku li kien qed jindirizza direttament il-gwerra tar-Russi fl-Ukrajna u l-effetti tagħha ‘l hinn mill-artijiet Ukreni. Sitwazzjoni fejn Trump, illum, qed jiddiskuti l-futur tal-Ukrajna proprju mal-President Russu, Vladimir Putin, u mingħajr l-ebda koordinazzjoni mal-Ewropa.

Minkejja dawn l-iżviluppi, Ursula von der Leyen għadha xorta tirreferi għall-Istati Uniti bħala ‘alleata tal-Ewropa’ – madankollu, hi mhix  tinjora d-diversi punti ta’ diżgwid li żviluppaw b’rata mgħaġġla bejn Brussell u Washington.

Il-President tal-Kummissjoni Eweropea, illum, anki qed tfittex b’mod attiv għall-alleanzi ġodda u meta qed tesiġi l-importanza li Brussell jiżviluppa u jikkonsolida l-partnerships ma’ pajjiżi oħrajn madwar id-dinja.

Il-kunċett tad-difiża, illum, sar aktar importanti minn qatt qabel għall-Ewropa li ma tistax tiddependi aktar mill-appoġġ tal-Istati Uniti. Appoġġ li ma naqas qatt mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn u partikularment waqt il-Gwerra Bierda tas-seklu l-ieħor.

Għaldaqstant, Von der Leyen qed tavviċina dejjem aktar lir-Renju Unit u n-Norveġja bħala żewġ pajjiżi sieħba li jħaddnu ideoloġiji simili għall-UE u li kapaċi jikkontribwixxu ħafna għas-sistemi ta’ difiża aġġornati tal-Ewropej. Sistemi li jridu jiddefendu lill-Ewropa kontra l-politika aggressiva ta’ espansjoni minn Vladimir Putin u l-Kremlin ta’ Moska – u mingħajr l-intervent tal-Istati Uniti.

Għaldaqstant, għaddejja ħidma mgħaġġla fuq il-pjan bl-isem ‘Rearm Europe’ – pjan li jimmobilizza sa €800 biljun f’infiq fuq id-difiża matul is-snin li ġejjin u li qed jappoġġjawh il-Mexxejja tal-UE. Dan bħala parti minn politika li, fi kliem von der Leyen, ‘qed tikkunsidra kull għażla miftuħa għall-Ewropa u li għalissa ma teskludi l-ebda miżura’.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, fl-istess ħin, qed tkompli tenfasizza l-appoġġ tal-UE għall-Ukrajna – u fost ir-referenzi għal assistenza militari ekwivalenti għal €52 biljun. Impenn li ‘jibbilanċja’ l-għajnuna simili mogħtija lill-Ukreni mill-Istati Uniti qabel it-tieni Presidenza ta’ Donald Trump.

‘Hawnhekk ukoll teżisti l-opportunità għall-Ewropa biex tistabbilixxi ruħha bħala l-akbar alleat u difensur tal-Ukrajna’, saħqet von der Leyen u fi żmien meta l-Istati Uniti ssospendiet, b’mod temporanju, l-għajnuna militari lill-Ukreni. Sitwazzjoni fejn l-Amerikani anki qed jirrifjutaw li jgħaddu l-informazzjoni sigrieta lill-Ukrajna li tgħinha biex tilqa’ għall-attakki tar-Russi fuq l-ibliet tagħha.

Sadanittant, Ursula von der Leyen hi wkoll fiduċjuża li l-pjan ta’ “Rearm Europe” se jibbenefika lill-Ukrajna b’mod partikulari peress li jippermetti biex l-Istati-membri tal-UE – alleati ta’ Kiev – jinvestu ‘aktar malajr’ fl-armamenti u munizzjon meħtieġa għad-difiża tal-kontinent kollu.