Lokali

700 jum wara li l-istudenti ġew arrestati, Abela jirrakkomanda l-maħfra Presidenzjali u xorta ma jfassalx ir-riforma fil-liġi tal-ethical hacking

700 jum wara li tliet żgħażagħ ġew arrestati fuq akkużi ta’ hacking, il-Prim Ministru Robert Abela laqqa’ l-Kabinett biex jiddiskutu l-maħfra presidenzjali. Kif ukoll il-possibbiltà li ssir riforma fil-liġi tal-ethical hacking – xi ħaġa li kemm l-akkademiċi kif ukoll il-Partit Nazzjonalista kienu ilhom jisħqu dwarha.

Net News kien preżenti barra Kastilja fejn staqsa lill-membri tal-Kabinett għalfejn materja daqshekk sensittiva bħal din ġiet diskussa issa… 700 jum wara dan il-każ serju tal-istudenti u l-għalliem illi spiċċaw arrestati. Dan meta riformi oħra bdew jiġu diskussi ħafna iktar malajr, fosthom dawk tal-Inkjesti Maġisterjali. Uħud mil-Membri tal-Kabinett għażlu li ma jweġbux u oħrajn jgħidu li r-riformi jieħdu l-ħin.

Kien f’Ottubru tal-2022 meta erba’ studenti iħħekjaw l-app ta’ Freehour fejn kienu arrestati xahar wara; madankollu sal-lum għadha ma tressqet l-ebda proposta ta’ rifroma fil-Parlament.

U kien biss issa li l-Kabinett iddeċieda li jirrakkomanda lill-President sabiex tingħata maħfra lill-istudenti u lil-lettur li jinsabu implikati… biex b’hekk dan il-każ jingħalaq, wara aktar minn sentejn sħaħ! 

Il-kritika lejn il-Gvern hi li fil-każ tal-Inkjesti Maġisterjali, Robert Abela mexa b’mod totalment differenti u telaq jiġri waħdu, bla konsultazzjoni ta’ xejn.

Fil-fatt, l-ewwel darba li Robert Abela stqarr li hemm bżonn riforma fl-Inkjesti Maġisterjali kien fil-15 ta’ Diċembru. U fit-30 ta’ Jannar il-bidliet kienu preżentati mill-Ministru Jonathan Attard fil-Parlament.