Internazzjonali

L-Ukrajna lesta taċċetta ftehim għal waqfien mill-ġlied temporanju – bl-Istati Uniti se tkompli tipprovdi l-għajnuna għas-sigurtà tal-Ukreni

L-Ukrajna għadha kemm ikkonfermat li lesta taċċetta l-proposta tal-Istati Uniti għal waqfien mill-ġlied temporanju mar-Russja. Ftehim effettiv għal 30 jum u li hu ttamat li jidħol fis-seħħ b’mod immedjat.

Dan wara li r-Rappreżentanti tal-Ukrajna kkonkludew it-taħditiet ma’ delegazzjoni għolja mill-Istati Uniti fl-Arabja Sawdija. Laqgħa li żiedet l-ottimiżmu li l-gwerra fl-artijiet Ukreni tista’ tasal għal konklużjoni .u minkejja li għad ma hemm xejn min-naħa tar-Russja li jindika dispożizzjoni għal politika ta’ paċi.

Il-waqfien mill-ġlied propost kapaċi jkun estiż skont il-ftehim bejn il-partijiet involuti u meta għadu suġġett għall-approvazzjoni tar-Russja. Fil-fatt, bilfors li Moska teħtieġ tikkonferma li se tkun lesta biex tirrispetta dan il-proċess.

Żvilupp ieħor importanti mit-taħditiet f’Jeddah kienet il-konferma mill-Istati Uniti li se terġa’ tipprovdi l-għajnuna lill-Ukreni għas-sigurtà tagħhom. L-Amerikani anki se jkomplu jaqsmu l-informazzjoni sigrieta mal-Ukrajna bil-ħsieb li jsalvaw aktar imwiet fiż-żmien kollu li jkompli l-konflitt tal-Ukreni mar-Russja.

L-għajnuna inkwistjoni kienet twaqqfet lill-Ukrajna b’konsegwenza tal-laqgħa drammatika fil-White House bejn il-President Ukren, Volodymyr Zelensky u l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u li fiha l-ogħla uffiċjali f’Washington kienu akkużaw lill-mexxej Ukren ‘b’diżrispett għall-Istati Unti’.

Intant, kien qed jidher minn qabel li t-taħditiet tal-aħħar sigħat f’Jeddah kienu se jwasslu għal riżultat pożittiv, u fost il-kummenti tal-Ukreni li d-djalogu mal-Amerikani kien mill-aktar kostruttiv. Fil-fatt, ir-rappreżentanti kollha wrew ħerqa għal proċess aktar effettiv li jwaqqaf il-ġlied fl-Ukrajna wara daqstant xhur ta’ dmija.

Dan waqt li l-Ukrajna qed tkompli twassal messaġġ lill-Amerikani li trid it-tmiem għal din il-gwerra u li lesta taħdem bis-sħiħ lejn dan it-tragward bħala ‘sieħba tal-Istati Uniti.

Sadanittant, l-Amerikani, ‘il quddiem għandhom iressqu l-aħħar proposti tal-Ukrajna għall-kunsiderazzjoni tar-Russja.

Fit-taħditiet ta’ Jeddah ħadu sehem il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin Andriy Sybiha; flimkien ma’ Andriy Yermak, iċ-Chief of Staff tal-Prfesident Zelensky u l-Ministru tad-Difiża Ukren, Rustem Umerov. Jirrappreżentaw lill-Istati Uniti kien hemm Marco Rubio, bħala s-Segretarju tal-Istat Amerikan u Mike Waltz, bħala l-Konsulent Ewlieni dwar is-Sigurtà Nazzjonali.

It-taħditiet tmexxew mill-Ministru Sawdi għall-Affariajiet Barranin, Faisal bin Farhan u l-Konsulent Sawdi dwar is-Sigurtà Nazzjonali,  Mosaad bin Mohammad al-Aiban.

Is-Segretarju tal-Istat Rubio, sadanittant, ukoll tkellem b’ottimiżmu dwar l-eżitu tal-proċess anki jekk it-taħditiet, għalissa, jistgħu jitqiesu bħala ‘work in progress’ – jiġifieri li wieħed irid jistenna aktar għal qbil dwar ftehim konkret u effettiv għall-futur. Dan ukoll fost is-sinjali li r-Russja, għalissa, mhix lesta għall-konċessjonijiet u meta hemm ukoll l-indikazzjonijiet li l-Kremlin jista’ għadu determinat biex ikompli b’din il-gwerra.

L-istrateġiji u tfassil ta’ politika dwar l-Ukrajna mhumiex limitati biss għal Jeddah u meta l-kapijiet militari minn xi 30 pajjiż qed jiltaqgħu f’Pariġi biex ifasslu l-pjani għal koalizzjoni ta’ Stati li lesti biex jimpenjaw il-qawwiet tagħhom għaż-żamma tal-paċi fl-artijiet Ukreni.

L-inizjattiva għal din il-koalizzjoni qed jeħduha r-Renju Unit u Franza. Inizjattiva li,  ‘il quddiem, tista’ tippermetti biex it-truppi minn diversi pajjiżi Ewropej u Stati-membri tan-NATO jispiċċaw stazzjonati  fl-Ukrajna bħala deterrent għal forom ġodda ta’ aggressività mill-militar ta’ Vladimir Putin.