Lokali

Ċertu audits li jsiru mill-NAO jeħtieġu esperti minn barra pajjiżna

Uħud mill-audits li jsiru mill-NAO jkunu jeħtieġu esperti minn barra, għaliex ikunu suġġetti tekniċi ħafna.

Dan ikkonfermah l-Awditur Ġenerali, Charles Deguara waqt seminar li kien organizzat mill-NAO b’kollaborazzjoni mal-European Court of Auditors.

“Meta jkollok suġġetti bħal dawn, xi daqqiet ikollna nġibu expertise għax huma suġġetti tekniċi ħafna.”

Deguara qal li filwaqt li x-xogħol fi ħdan l-NAO miexi pjuttost tajjeb, ir-riċerka timxi b’rata iktar mgħaġġla ladarba jiżdiedu r-riżorsi umani hekk kif it-tim hu wieħed żgħir iżda li jaħdem tajjeb ħafna.

Matul il-ġurnata, l-NAO tella’ s-seminar annwali fil-Furjana bit-tema ta’ din is-sena tkun ‘It-titjib tal-Impatt tas-Sostenibbiltà fl-Awditjar’.

Id-diskussjoni f’dan is-seminar wasslet biex dawk preżenti jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet li kapaċi jaffaċċjaw fix-xogħol ta’ kuljum, fosthom data gaps, financial constraints u l-involviment tal-pubbliku sabiex jitjiebu l-liġijiet f’pajjiżna. Dan bil-għan li finalment jassiguraw li jkun hawn governanza tajba.